Futbol Sport

FA Cup fl-Ingilterra: Man City jibbukkjaw posthom fil-finali b’rebħa, 3-0, fuq Sheff Utd

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, kisbu rebħu komda, 3-0, fuq Sheffield United, it-tim ta’ The Championship, biex ibbukkjaw posthom fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni li tintlagħab ix-xahar id-dieħel f’Wembley Stadium.

Is-Citizens għada jkunu jafu min se jikkonfrontaw fil-finali meta f’Wembley mistennija logħba ferm kumbattuta  bejn is-semi-finalisti l-oħra – Brighton u Manchester United – li se jfakkru fil-finali tal-1983, meta United kienu rebħu din it-tazza, 4-0, wara replay fuq is-Seagulls ( u meta l-ewwel logħba f’Wembley kienet intemmet 2-2).

Intant, Man City f’dan l-istaġun għandhom ukoll l-opportunità li jirrepetu t-treble storiku tar-rivali, United,  li kienu rebħu l-Premier League, l-FA Cup u ċ-Champions League fl-istaġun indimentikabbli tal-1998-99.

U s-Citizens ftit tal-ħin ilu żammew mal-pronostiku fejn għelbu l-isfida qalbiena tal-Blades bħalma jindika l-iskor finali – bl-attakkant Alġerin, Riyad Mahrez jiskorja hat-trick brillanti.

Il-hat-trick ta’ Mahrez kien anki l-ewwel wieħed f’semi-finali tal-FA Cup mill-1958, iżda kienu Sheffield li tilfu l-ewwel ċans kbir tal-logħba meta Sefan Ortega salva x-xutt ta’ Iliman Ndiaye.

Intant, ftit kien hemm storja wara li Mahrez skorja penalty żewġ minuti qabel il-mistrieħ u li ngħata għall-fawl ta’ Daniel Jebbison fuq Bernardo Silva.

Fit-tieni taqsima,City komplew juru l-kwalità tagġhom, b’Mahrez jisfrutta l-ispazji li bdew iħallu Sheffield biex skorja t-tieni wieħed għal City — fuq azzjoni personali — mas-siegħa logħob.

Fis-66 minuta, Mahrez skorja l-aħħar gowl tal-logħba wara li dawwar għall-ġewwa fuq il-pass ta’ Grealish u b’hekk kompla fuq il-passi ta’ Alex Dawson li kien skorja tlieta għal Manchester United fis-semi-finali tal-1958 (fl-FA Cup) kontra Fulham.