Lokali

Il-Ministru Roderick Galdes ma jagħti ebda soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja

Xahar wara l-ieħor l-għoli tal-ħajja qed ikompli jħalli piż fuq il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-familji. Bil-piżijiet jiżdiedu …u bil-prezzijiet ikomplu jisparaw ‘il fuq.

Iżda quddiem din ir-realta, il-Gvern mhu joffri ebda soluzzjoni. Qed jgħid biss li pajjiżi oħra jinsabu agħar minn Malta.

Kienet din it-tweġiba illi tana l-Ministru Roderick Galdes meta saqsejnih dwar il-piż tal-prezzijiet u d-daqqa tal-għoli tal-ħajja fuq il-familji Maltin u Għawdxin.

L-istatistika ufficjali u anke diversi rapporti maħruġa fl-aħħar xhur juru biċ-ċar li n-nies mhux qed ilaħħaqu mal-għoli tal-ħajja. Dan apparti l-fatt li studji varji jindikaw kif il-Maltin u l-Għawdxin qed ikollhom inaqqsu l-infieq minn affarijiet mhux essenzjali sabiex id-dħul tagħhom iwassal sal-aħħar tax-xahar.

Barra minn hekk, din il-ġimgħa stess anke l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, insista li l-inflazzjoni saret mostru.

U meta saqsejna lil Roderick Galdes xi jwieġeb għal dan … huwa ammetta li l-għoli tal-ħajja hija realtà. Iżda fl-ebda punt ma ta soluzzjonijiet għal din il-kriżi li qed tħalli impatt kbir fuq kulħadd.

L-istatistika uffiċjali turi li f’temp ta’ sena l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna splodiet ‘il fuq b’mod qawwi. Dan hekk kif l-inflazzjoni żdiedet minn 4.5% għal 7.1%.

L-aktar li żdiedu kienu l-prezzijiet tal-ikel, kif ukoll ċertu servizzi essenzjali u anke mediċini.