Il-mitħna tal-Għaqba li tinsab fin-Naxxar reġgħet ingħatat il-ħajja, hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija ġie inawgurat mill-ġdid xogħol ta’ restawr fuq il-Mitħna tar-Riħ tal-Għaqba.
Din il-mitħna, li hija waħda mill-eqdem u l-akbar imtieħen f’Malta, kienet inbniet fl-1710 taħt il-Gran Mastru Perellos, u tissejjaħ Mitħna tal-Għaqba għaliex tinsab fit-telgħa … hekk kif il-kelma Għaqba tfisser Art fil-għoli.
Fost in-Naxxarin … il-Mitħna tal-Għaqba li kienet tintuża sabiex isir it-tħin tal-qamħ sabiex isir id-dqiq …. hija meqjusa bħala post ta’ attrazzjoni kemm għall-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll għat-turisti.
Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar daħal għal dan ix-xogħol bl-għajnuna ta’ aktar minn €1,200,000 fosthom fondi ewropej tal-ERDF, sabiex isir ir-restawr sħiħ tal-makkinarju tal-mitħna u r-rikostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ rdieden ġodda.
Minn naħa tagħha, is-Sindku tan-Naxxar AnnMarie Muscat Fenech Adami stqarret li permezz ta’ dawn il-fondi l-Kunsill seta’ jippreżerva l-mitħna u jġibha lura għall-istat oriġinali tagħha. Temmet tgħid li l-proġett iħares ukoll l-aspett kulturali fejn parti mill-binja se tiġi trasformata f’ċentru kulturali. Prezenti għal din l-inawgurazzjoni, kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mis-sinjura tiegħu Anne Marie Grech.
//= $special ?>