L-istaġun 2021/22 kien wieħed memorabbli għal Ħamrun Spartans li fl-ewwel sena tal-era Joseph Portelli rebħu l-Kampjonat wara nuqqas ta’ l fuq minn 30 sena. Iżda b’xorti ħażina, inzerta li d-dinja ntlaqtet mill-pandemija tal-Covid 19 u ċ-ċelebrazzjonijiet kienu ristretti ħafna, tant li t-tazza ngħatat fil-Victor Tedesco Stadium quddiem numru restritt ta’ partitarji u nies involuti fil-klabb. Wara l-preżentazzjoni kien hemm ftit ċelebrazzjonijiet fi Triq il-Kbira, iżda żgur li kienu ’l bogħod minn dak li jafu jagħmlu l-Ħamruniżi, speċjalment dawk tat-Tamal u tal-Miskina, li huma magħrufa għall-briju mill-isbaħ li kull Awwissu jagħmlu waqt il-festa ta’ San Gejtanu.
Għaddew sentejn u l-Ispartans reġgħu saru champions tal-futbol Malti, champions b’konvinzjoni, inkurunati matematikament ħames logħbiet qabel tmiem il-kampjonat. Forsi wieħed jista’ jgħid li dan is-suċċess kien xi ftit imtappan mill-eliminazzjoni mill-FA Trophy, iżda dan żgur li mhu se jnaqqas xejn mill-festa kbira li qed tkun imħejjija għal-lum fi Triq il-Kbira San Ġużepp meta l-iskwadra u d-diriġenti jaslu bit-tazza ta’ champions tal-Kampjonat BOV Premier 2022/23. Fil-fatt, meta Ħamrun saru champions matematikament fil-11 ta’ Marzu wara rebħa ta’ 1-0 fuq Gżira, il-Ħamruniżi spontanjament ħonqu Triq il-Kbira u ċċelebraw sa tard bil-lejl dan it-tragward kif jafu jagħmlu huma.
Li tirbaħ kampjonat daqshekk kmieni jagħtik ukoll aktar ħin biex taħseb u tipprepara għal din il-ġurnata u f’dawn l-aħħar ġimgħat wieħed seta’ jinnota l-għaqda bejn kull għaqda Ħamruniża biex din il-ġurnata tkun waħda speċjali u li tibqa’ mnaqqxa f’qalb kull supporter ta’ Ħamrun bħalma baqgħu mnaqqxin kull unur mirbuħ fis-snin tmenin u l-bidu tad-disgħinijiet. Min għadda mill-Ħamrun fl-aħħar jiem seta’ jinnota l-armar bil-kuluri sinonimi ħomor u suwed mal-każini u r-residenzi tan-nies iżda dan mhux biss. Il-każini tal-baned ħadmu karrijiet tradizzjonali relatati mat-tim ta’ Ħamrun Spartans li se jkunu qed joffru spettaklu lil dawk preżenti biex imbagħad, il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħaq fejn il-każin tal-Ispartans fejn mistenni spettaklu minn bosta artisti lokali fuq palk kbir li ntrama apposta għal din l-okkażjoni.
Iżda qabel dan kollu, iċ-ċelebrazzjonijiet għandhom jibdew għall-ħabta tas-1pm fl-Istadium Nazzjonali qabel l-aħħar partita tal-Kampjonat li ċ-champions il-ġodda għandhom kontra Gudja United. Min jiftakar l-era ta’ Victor Tedesco jiftakar lill-grupp Greenfields ikantaw kanzunetti sinonimi mat-tim tal-Ħamrun qabel l-aħħar logħba f’Ta’ Qali b’waħda mill-aktar kanzunetti favoriti dak iż-żmien kien jisimha ‘Erġajna’. Ħamrun Spartans ħasbu biex jagħmlu verżjoni ġdida ta’ din il-kanzunetta li se tkun interpretata minn Joe Tanti tal-Greenfields, bintu Myra u Janvil.
Fis-14:00 tibda l-partita bejn Ħamrun Spartans u Gudja United, partita ovvjament bla ebda relevanza għal fini ta’ klassifika, fejn post il-Gudjani fl-10 post huwa kkonfermat meta jinsabu 4 punti taħt Sirens u l-istess ammont ta’ punti fuq Marsaxlokk.
Wara l-partita ssir il-preżentazzjoni tat-tazza fil-pitch biex imbagħad kulħadd jerħilha lejn Strada Rjali biex jiċċelebra d-disa’ kampjonat fl-istorja ta’ Ħamrun Spartans.
