Lokali

Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem – 1 ta’ Mejju protesta quddiem l-Isptar San Luqa

Nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Mejju ngħaqdu magħna fl-4 ta’ waranofsinhar fi protesta quddiem l-Isptar San Luqa fi Gwardamangia

Dan kien l-appell li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu fuq NET FM is-Sibt filgħodu fejn insista li fil-jum li fiha niċċelebraw lill-ħaddiem, huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista għandu qalbu maż-żgħir sabiex verament tingħata s-saħħa lill-ħaddiem.

Mistoqsi dwar l-appell għall-inkjesta pubblika li qed jagħmlu l-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ li tilef ħajtu 5 xhur ilu taħt it-tifrik ta’ binja f’Kordin, Bernard Grech insista li ma jistax jifhem kif il-Prim Ministru Robert Abela qed isib il-kuraġġ jinjora d-dulur ta’ dawn il-ġenituri.

Huwa insista li din l-omm ma tridx li omm oħra tgħaddi mill-istess dulur u għalhekk tixtieq inkjesta pubblika. Dan filwaqt li saħaq li għandna responsabbilità li nitgħallmu minn dak li ġara…mhux darba iżda darbtejn.

Bernard Grech sostna li huwa ċar li Robert Abela huwa dgħajjef mal-kbir u iebes maż-żgħir.

B’rabta mal-għeluq tal-Air Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu obbligu li jinforma lill-poplu x’qed jiġri wara li saħansitra ċ-chairperson stess tal-linja nazzjonali  sostna li din se tagħlaq.

Bernard Grech fakkar li Partit Nazzjonalista fil-Gvern kellu pjan għall-Air Malta maqbul mal-Kummissjoni Ewropea; pjan li Gvern Laburista fallieh għal kollox.

Intant, Bernard Grech sostna li dan kollu juri li Robert Abela m’għandux il-polż tal-poplu Malti u Għawdxi u mhux iħoss x’inhu għaddej minnu l-ħaddiem.

Bħal fil-każ tal-infermieri u l-qwiebel, li ddeskrevieh bħala timbru ieħor ta kemm huwa maqtugħ minn nies wara li lin-nurses pproponielhom żieda fil-paga…iżda wkoll żieda fis-sigħat tax-xogħol mingħajr jum OFF.

Proposta li kważi 98% tal-infermieri membri fl-MUMN irrifjutaw għal kollox – bil-Kap tal-PN jisħaq li Robert Abela mhux jifhem x’inhu jiġri.

Bernard Grech sostna li l-infermieri ma jridux iċ-ċapċip tal-pandemija….iżda għixien aħjar. Iridu lil min jagħti kashom u mhux min, bħal Robert Abela, jilgħabha tal-bully magħhom.