Seba’ NGOs ambjentali organizzaw kontro-wirja konġunta b’reazzjoni għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet għall-iżvilupp tal-lukanda antika ta’ Kemmuna ta’ Hili Group li ser jiġbor fih ukoll kumpless ta’ vilel fil-Bajja ta’ Santa Marija.
Fil-kontro-wirja, li saret barra d-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, ġew enfasizzati d-diskrepanzi bejn il-“viżjoni sostenibbli” li qegħdin jippreżentaw l-iżviluppaturi u r-realtà tal-impatt li ser ikollu żvilupp bħal dan fuq Kemmuna, partikolarment fis-santwarju kwiet tal-Bajja ta’ Santa Marija.
Ix-xjenzat ambjentali Dr John Paul Cauchi elenka l-modi kif dan l-iżvilupp ser jimpatta l-pajsaġġ kwiet ta’ Kemmuna. Huwa uża n-numri u l-pjanti ta’ Hili Group stess biex jagħti stampa ċara tal-problemi li ser joħolqu. L-għaqdiet insistew li l-Hili Group qegħdin joskuraw il-kliem u n-numri sabiex il-proġett tagħhom joħroġ jidher li ser ikollu inqas impatt milli fil-verità ser ikollu, speċjalment fuq il-Bajja ta’ Santa Marija.
Fil-Bajja ta’ Santa Marija biss, il-bini ta’ 19-il villa b’pixxini u binjiet oħra tas-servizzi ser jikkostitwixxi żieda ta’ 49% fil-volum tal-bini, flimkien ma’ moll ġdid għad-dgħajjes deħlin fil-bajja. Parti minn dan il-kumpless ser tinbena fuq art naturali mhux mittiefsa. Dan ser iżid l-impatt ekoloġiku tal-proġett bi 13%. L-użu intensiv ta’ din iż-żona, meta tqabblu mal-bungalows tal-lukanda preċedenti u tqisu fil-kuntest tal-istat trankwill attwali, ser jibdel il-Bajja ta’ Santa Marija f’raħal lussuż u okkupat tul is-sena kollha.
Dwar l-allegata sostenibbiltà tal-proġett kompla żied li “l-uniku mod kif dan il-proġett propost jista’ jkun sostenibbli huwa billi ma jinbeniex.”
L-organizzazzjonijiet ilhom jenfasizzaw kif żviluppaturi bħal Hili Group mhumiex rigal ta’ Alla lin-nazzjon. Dawn l-entitajiet jisfruttaw il-wirt komuni tagħna għall-profitti personali tagħhom u jqaċċtu l-barra lill-pubbliku fil-proċess.
Il-kontro-wirja ġabret ukoll informazzjoni dwar il-bijodiversità rikka mhedda mill-iżvilupp propost.
Minbarra l-impatt ambjentali, jeżisti tħassib serju dwar kemm ser tibqa’ aċċessibbli ż-żona għan-nies lokali. Il-kumpless ta’ lukandi u vilel ser jitmexxa minn grupp ta’ lukandi lussużi Six Senses, li x’aktarx ser ifisser kumpless għall-iktar nies sinjuri fuq il-gżira, inkluż l-iktar turisti sinjuri li jżuruha.
L-iżvilupp propost fuq Kemmuna għadu qiegħed jiġi kkunsidrat mill-Awtorità tal-Ippjanar u huwa sors ta’ rabja kbira fost il-pubbliku. L-isforzi ta’ Hili Group biex jagħtu xeħta ekoloġika lill-proġett x’aktarx mhumiex ser jintlaqgħu tajjeb mill-pubbliku.
Il-wirja ġiet organizzata minn Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, BirdLife Malta, Nature Trust Malta-FEE, Friends of the Earth, Flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Assoċċjazzjoni tar-Ramblers.
//= $special ?>