Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħa prezzjuża għal Leicester City…Leeds Utd f’baħar ta’ inkwiet

Leicester City kisbu l-ewwel rebħa (2-1) fil-league wara ħafna ġimgħat u għall-ispejjeż ta’ Wolves biex b’hekk huma nqalgħu ‘il fuq miz-zona l-ħamra tal-klassifika. Intant, is-sitwazzjoni f’qigħ il-Premier League saret dejjem aktar ikkumplikata meta fil-preżent sitt punti biss jifirdu lil Everton, it-tielet tim mill-aħħar, minn Wolves li jinsabu fit-13 il-post  tal-Premier League.

Ir-rebħa għall-Foxes kienet l-ewwel waħda fil-kampjonat mindu Dean Smith ħa post Brendan Rodgers bħala manager, iżda huma kellhom isibu ruħhom minn taħt wara biss tlettax-il minuta. Dan meta Youri Tielemans tilef il-ballun f’nofs il-grawnd, b’Matheus Cunha javvanza u jikkonkludi minn tarf il-kaxxa għall-1-0.

Il-Foxes imbagħad daħlu fil-logħba meta Jamie Vardy rebaħ penalty wara li twaqqa fil-kaxxa mill-gowlkiper Jose Sa, ħames minuti qabel il-mistrieħ. Inkariga ruħu mill-ħdax-il metru Kelechi Iheanacho li għamel l-iskor 1-1, b’kalma assoluta.

It-tieni taqsima wkoll kienet kumbattuta iżda Leicester dejjem kienu xi ftit aħjar mill-avversarji u kwarta mit-tmiem, il-midfielder tal-Foxes Timothy Castagne żmarka ruħu fuq il-‘cutback’ ta’ Kristiansen, bl-internazzjonali Belġjan jegħleb mill-ġdid lil Sa għat-2-1 finali.

Il-gowl ifisser li Leicester, issa. laħqu lil Everton fuq 28 punt iżda b’differenza ta’ gowls aħjar u meta l-inċertezza mistennija tkompli sa tmiem l-istaġun.

Leeds United jinsabu f’baħar ta’ inkwiet wara li tilfu t-tielet logħba konsekuttiva fil-kampjonat – din id-darba kontra Fulham (1-2) fi Craven Cottage.

Il-Yorkshiremen, li jinsabu l-ħames mill-aħħar fuq 29 punt, irnexxielhom irażżnu l-attakki ta’ Fulham sal-mistrieħ iżda kienu kundannati għal telfa oħra fit-tieni 45 minuta meta Harry Wilson (58) fetaħ l-iskor b’volley sabiħ fir-rokna tax-xibka.

Ir-reazzjoni ta’ Leeds kienet fjakka u fit-72 minuta, Andreas Pereira sab ruħu waħdu quddiem xibka vojta (fuq l-indeċiżjoni ta’ Meslier) biex sammar ġewwa mill-viċin għat-2-0.  Fit-80 minuta, Leeds naqqsu l-iżvantaġġ bl-awtogol ta’ Joao Palhinha fuq it-tentattiv ta’ Patrick Bamford, iżda dan ma kienx biżżejjed għal rimonta.

Dro mingħajr gowls f’Selhurst Park

Crystal Palace u Everton spiċċaw fi dro, 0-0, f’Selhurst Park u għal riżultat li jissodisfa ħafna aktar lill-Eagles mill-Merseysiders li qed jagħmlu minn kollox biex iżommu r-rekord bħala tim omnipreżenti fl-ogħla diviżjoni Ingliża.

Il-logħba ftit ipproduċiet azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti, b’Eberechi Eze ikollu ‘gowl’ imħassar għal offside f’nofs it-tieni taqsima. Intant, ir-riżultat finali iħalli lil Everton fuq 28 punt, wieħed aktar minn Notts Forest u erba’ aktar mit-tim tal-qigħ, Southampton.

Liverpool ħarġu rebbieħa, 3-2, fuq Nottingham Forest wara konfront eċċitanti u spettakolari f’Anfield Road — bir-Reds għadhom qed jittamaw għal post fit-Top Four ladarba jsiru l-kontijiet fl-aħħar tal-istaġun.

Wara li l-ewwel taqsima spiċċat 0-0, Liverpool kisbu l-vantaġġ fl-ewwel ftit sekondi tat-tieni taqsima minn Diogo Jota li kkonkluda fuq l-assist bir-ras ta’ Fabinho. Fil-51 minuta waslet it-tweġiba ta’ Forest minn Neco Williams ( eks-Liverpool), bir-Reds imorru mill-ġdid fil-vantaġġ erba’ minuti wara, grazzi għall-istess Diogo Jota.

Il-gowl ta spinta ġdida lil Forest li reġgħu kisbu parità minn Morgan Gibbs-White (67) iżda l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Liverpool – u Mo Salah – bl-attakkant Eġizzjan jiskorja l-gowl rebbieħ ( u s-16-il wieħed tiegħu fil-Premier League f’dan l-istaġun) fis-70 minuta.

Douglas Luiz salva punt in-extremis għal Aston Villa kontra Brentford (1-1)fil-Community Stadium, bil-Villains qed jittamaw li jilgħabu fl-Ewropa fl-istaġun li ġej wara sekwenza ta’ riżultati pożittivi.

Kienu Brentford li marru fil-vantaġġ wara siegħa logħob meta l-prolifiku Ivan Toney skorja d-19 il-gowl tiegħu fil-Premier League wara li rċieva mingħand Bryan Mbeumo u għeleb lil Martinez għall-1-0. Ir-reazzjoni ta’ Villa waslet tard iżda xorta kienet effettiva, bil-midfielder Brażiljan, Douglas Luiz, isib ir-rokna tax-xibka mill-viċin, tliet minuti mit-tmiem.