Lokali

Ċiklist iweġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident ma’ karozza f’Ħaż Żabbar

Ċiklist ta’ 43 sena residenti x-Xgħajra qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident ma’ karozza f’Ħaż Żabbar.

L-inċident seħħ il-Ħadd filgħodu għall-ħabta tas-6:45 fi Triq Alessio Erardi, Ħaż Żabbar.

Il-Pulizija marret minnufih fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li raġel ta’ 43 sena residenti x-Xgħajra li kien qed isuq rota, sofra xi ġrieħi f’inċident ma’ Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 37 sena residenti Raħal Ġdid.

Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti fejn ftit tal-ħin wara ambulanza ħadet liċ-ċiklist l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.