Eks impjegati tal-Union Print u li sal-lum kienu jieħdu kopja tal-gazzetti tal-Union Print b’xejn, jinsabu urtati u rrabjati għall-President tal-GWU Victor Carachi li minn għada t-Tnejn, mhux se jibqgħu jingħataw il-gazzetta b’xejn.
Eks impjegati ta’ din il-union li hi u kienet minn dejjem qrib il-Partit Laburisa u li tkellmu ma’ Il-Mument, fissru b’rabja li filwaqt li allegaw li Victor Carachi ġiegħel ħafna impjegati tal-Union jitilqu u jtemmu l-impjieg tagħhom, hu taħt dan il-Gvern Laburista allegaw li qed jiffanga u jitħanżer.
Ir-rabja hi akbar għas-sempliċi raġuni li l-eks impjegati tal-GWU li kienu wkoll ibatu biex jippubblikaw il-gazzetti fi żmien iċ-ċomb, qalu wkoll li Victor Carachi hu l-ewwel President tal-GWU li qed jieħu salarju, u qalu li meta kien imexxi hu l-Union Print u l-Union Press kellu ħlas ieħor apparti.
Dan l-arranġament dwar il-gazzetti se jitwaqqaf wara ħafna snin li l-pensjonanti li ħadmu għall-GWU, kienu jgawdu. Jirriżulta li kien hemm min ilu jgawdi dan il-benefiċċju għal 50 sena. Kien hemm min irraġuna li lanqas li seta’ jagħmel is-Sur Carachi kien li jinforma lill-eks impjegati hu, u li jagħti r-raġunijiet bil-miktub wara din d-deċiżjoni.
Ħafna fissru li l-arroganza fit-tmexxija qed jarawha wkoll fil-GWU b’dan l-atteġġjament. Oħrajn fissru li Victor Carachi wkoll qed tikbirlu rasu u li din l-attitudni ta’ arroganza qed narawha mhux biss fil-Gvern Laburista, iżda f’kull livell u wkoll f’union li suppost tiddefendi l-ħaddiem iż-żgħir.
Oħrajn fissru dan bħala att tal-mistħija minn union li suppost tmexxi bl-eżempju. Eks ħaddiema tal-GWU fissru din id-deċiżjoni bħala waħda żbaljata, u li b’din id-deċiżjoni ħassuhom offiżi.
Pensjonanti li ħadmu għal snin twal mal-GWU u li tkellmu ma’ Il-Mument, qalu wkoll li l-ħaddiem qed jibqa’ jbati llum, u li dan iżda ma jgħoddx għal min qed igawdi minn remunerazzjoni li qed jagħti dan il-Gvern bħal meta l-President tal-GWU Victor Carachi kien ingħata rappreżentanza fuq il-Bord tal-Malita Investment jirrappreżenta lill-Gvern Laburista.
Dan kollu u din id-deċiżjoni tal-President tal-GWU qed issir ukoll meta qed tissejjaħ il-Konferneza Nazzjonali Straordinarja tal-GWU li mistennija titlaqqa’ dalwaqt, u lejlet il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem.
//= $special ?>