Manchester United ħarġu rebbeħin fuq Brighton and Hove Albion fit-tieni semi-finali ta’din il-kompetizzjoni li ntlagħbet f’Wembley Stadium u li kienet deċiża bl-għoti tal-penalties wara 120 minuta mill-aktar kumbattuti u intensivi.
Din is-semi-finali – kuntrarju għal dik bejn Manchester City u Sheffield United – baqgħet indeċiża sal-aħħar sekondi tal-ħin supplementari, bir-Red Devils u s-Seagulls jipproduċu diversi mumenti eċċitanti anki jekk iż-żewġ difiżi ddominaw lill-attakkanti avversarji tul il-logħba.
United kienu determinati li jinsew id-disfatta tal-Ħamis kontra Seville fil-kwarti-finali tal-Europa League iżda l-għejja tal-plejers dehret evidenti fl-aħħar ħinijiet ta’ dan il-konfront, bi Brighton mill-ġdid jibbażaw l-istrateġija tagħhom fuq l-attakk u l-logħob veloċi bħala l-karatteristiċi ewlenin ta’ dan it-tim immexxi mill-manager bravu Roberto de Zerbi.
Fil-fatt, iż-żewġ tims ħarġu jfittxu gowl kmieni, b’United ikunu ftit aktar prudenti huma u jibbażaw fuq Marcus Rashford u Anthony Martial għall-kontra-attakki — b’Solly March u l-internazzjonali Ġappuniż Mitoma ikunu ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża tar-Red Devils.
Sadanittant, il-gowlkiper ta’ United, David de Gea, kellu jwettaq sensiela ta’ saves brillanti – speċjalment fuq it-tentattivi ta’ March, MacAllister u Enciso – biex żamm it-tim tiegħu fil-logħob waqt perjodu, fit-tieni taqsima, meta United kienu qegħdin iwettqu wisq żbalji f’nofs il-grawnd.
Iżda United ukoll kellhom il-mumenti tagħhom b’Robert Sanchez ta’ Brighton isalva fuq Bruno Fernandes, Eriksen u Marcus Rashford, bid-90 minuta jagħlqu bl-iskor ta’ 0-0.
Fil-ħin supplementari, Brighton ippruvaw jimponu ruħhom aktar fuq l-avversarji iżda kienu United li marru l-aktar viċin meta Sanchez, b’akrobazija brillanti, ipproduċa s-save tal-logħba fuq ix-xutt insidjuż ta’ Rashford fejn il-ballun deher destinat għal ġewwa wara xxellef mad-difensur Veltman.
Intant, ħadd ma rnexxielu jiżblokka r-riżultat sal-120 miunta, biż-żewġ tims iħejju għall-penalties inevitabbli. U t-tensjoni f’Wembley kompliet tirranka, bl-ewwel ħames penalty-takers taż-żewġ tims ma jfallux mill-ħdax il-metru — u fejn imbagħad kien imiss lil Solly March ta’ Brighton li spara l-ballun għoli mit-tlettax-il penalty tas-serata.
Sekondi wara, id-difensur Żvediż Victor Lindelof tefa’ lill-partitarji numerużi ta’ United f’dellirju ta’ ferħ meta kkonkluda l-penalty deċiżiv biex b’hekk se jkunu United li jikkonfrontaw lil Manchester City fil-finali tal-FA Cup li wkoll se tintlagħab f’Wembley Stadium nhar is-Sibt, it-3 ta’ Ġunju.
Ir-riżultat ifisser ukoll li t-tim ta’ Erik ten Hag wasal sat-tieni finali domestiku tal-istaġun wara li fi Frar kien għeleb lil Newcastle Utd, 2-0, fil-finali tal-Carabao Cup.
//= $special ?>