Lokali

Hi gidba li l-Partit Nazzjonalista jrid iwaqqaf is-sussidji tal-enerġija

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li kien il-Gvern Laburista li seraq lill-familji bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif ikkonfermat mill-Awditur Ġenerali u mill-Qrati, kif ukoll li rrifjuta li jagħti l-flus lura.

Kien il-Gvern Laburista li għamel kuntratti korrotti fl-enerġija, li mhux jagħtuna l-aħjar prezzijiet u li għadu jirrifjuta milli jispjega kif qed jintefqu u fejn qed imorru l-miljuni f’sussidji li qed joħroġ il-poplu Malti u Għawdxi.

Fl-istqarrija ntqal li kien il-Gvern Laburista li minflok investa f’enerġija rinnovabbli f’pajjiżna, investa fil-windfarm korrott tal-Montenegro.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess mal-pjan tiegħu għall-enerġija, ibbażat fuq investiment f’enerġija nadifa, li jġib l-aħjar prezz mill-orħos sors, kif jaqbel lill-poplu, mingħajr ma jgħolli l-prezzijiet. Anzi, li jagħti l-flus lura lil dawk li nsterqu.