Pajjiżna jixraqlu li jkun immexxi minn persuni li veramanet jibbażaw it-tmexxija tagħhom fuq is-sinċerita u fuq il-ġenerożità.
Kien dan l-appell imqanqal li għamel l-Arċisqof Charles Scicluna meta l-Ħadd filgħodu mexxa l-Pontifikal li fakkar il-festa ta’ San Publiju… festa li tagħti bidu għall-istaġun tal-festi f’pajjiżna.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal kif għall-Mulej l-aqwa xhieda huma dawk li jaqsmu ħobżhom ma’ min hu bil-ġuħ, u li jdaħħlu f’darhom lin-nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
Għalhekk huwa appella biex kulħadd jimxi fuq dan l-eżempju… anke dawk li jmexxu lil pajjiżna. B’Charles Scicluna jistaqsi jekk dawn verament jixirqux lill-poplu Malti u jekk qegħdinx tassew imexxu b’umiltà, ġenerożità, u sinċerità, bħalma kienet qalb Publiju.
Ma naqasx ukoll li l-Arċisqof jagħel referenza għall-abort fejn qal li kull tarbija għandha tkun protetta u l-ħajja għandha tkun imħarsa sa mill-bidu nett.
Charles Scicluna tkellem ukoll dwar l-importanza li kull ħaddiem ikun imħares fuq il-post tax-xogħol tiegħu.
Preżenti għal dan il-Pontifikal kien hemm l-għola awtoriatjiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta George Vella, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie Grech, kif ukoll deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Kif inhi t-tradizzjoni, wara l-Quddiesa tal-Festa, il-mistednin distinti qattgħu ftit tal-ħin f’din il-lokalita fejn kellhom l-okkażjoni jiltaqgħu ma’ dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din il-festa ta’ San Publiju.
Aktar tard, sar il-marc tradizzjonali, bil-programm kompla filgħaxija, bil-purċissjoni mat-toroq tal-lokalita’, li ġew imżejna b’armar mill-isbaħ għal din l-okkażjoni.
//= $special ?>