Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-Kremlin jippersisti bil-kampanja ta’ qerq biex jaħbi d-disfatti

Is-servizzi sigrieti fir-Renju Unit qalu li r-Russja, aktar kulma jmur, saret tibbaża fuq l-informazzjoni qarrieqa biex tipperswadi lill-poplu tagħha – u lid-dinja – li l-gwerra fl-Ukrajna qed taqleb favur tagħha minkejja l- umiljazzjonijiet fuq il-kampijiet tal-battalja.

U filwaqt li Moska qed tinsisti li t-truppi tagħha ħatfu numru ta’ distretti fil-battalja twila li ilha mis-sajf fil-belt ta’ Bakhmut, il-Ministeru tad-Difiża f’Londra qal li r-Russja mhix tissostanzja l-allegati suċċessi militari u fejn qed jidher dejjem aktar li ma kellhiex raġuni politika valida għal dawn ix-xhur ta’ aggressjoni fl-Ukrajna.

Meta bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna, il-Kremlin f’Moska insista li kien qed imexxi kampanja militari speċjali biex jeħles lil dan il-pajjiż minn allegat reġim estremista u Nażista – u meta deher ovvju li l-premessa kienet ‘il bogħod sew mill-verità.

U waqt li l-merċenarji tal-grupp Wagner qed ikomplu bil-ġlieda f’Bakhmut fuq in-naħa tar-Russja, huwa sinifikanti l-aħħar kumment ta’  Yevgeny Prigozhin, alleat kbir tal-President Russu Vladimir Putin, li, pubblikament, esprima dubji dwar ‘il-preżenza tan-Nażisti fi Kiev’.

Intant, il-ġlied f’Bakhmut u l-madwar qed ikompli fost rapporti li l-merċenarji tal-Wagner għamlu xi avvanzi fir-reġjun tad-Donestsk…Avvanzi li madankollu ma kenux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.

Il-Ministeru tad-Difiża f’Moska, fl-aħħar bullettini, irrefera wkoll għas-sehem tal-paratruppi Russi f’din il-battalja u li fl-aħħar sigħat kienu qed jikkumbattu lill-qawwiet Ukreni mal-periferiji ta’ Bakhmut.