Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: It-telf konsistenti tas-suldati qed jidher insostenibbli għar-Russi

Il-qtil u feriment tas-suldati Russi waqt il-battalji fl-Ukrajna qed jirriflettu sitwazzjoni li żgur mhix sostenibbli għar-Russja.

Dan waqt li s-sorsi infurmati fir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Punent qalu li l-Kremlin qed imexxi kampanja kbira għar-reklutaġġ ta’ aktar rekluti u voluntiera biex imorru jiġġieldu ‘għall-gwerra ta’ Putin’ fl-Ukrajna. Il-kampanja qed tibbaża wkoll fuq sistema aggressiva ta’ reklamar permezz tal-billboards, it-televiżjoni u s-siti tal-media soċjali.

Ir-Russja, issa, waqqfet ir-reklutaġġ ta’ ġellieda mill-ħabsijiet u jidher li fil-pajjiż mhemmx daqstant irġiel Russi li ma nqabdux bil-lieva u li jistgħu, ‘il quddiem, iservu effettivament bħala suldati fl-artijiet Ukreni.

Fl-istess ħin, hu kważi ċert li l-awtoritajiet Russi qed jippruvaw iżommu lura mobilizzazzjoni ġenerali oħra tal-irġiel ta’ kull età biex imorru jiġġieldu fl-Ukrajna minħabba l-biża’ dwar mewġa ta’ dissens fuq livell domestiku.

Sadanittant, il-militar Ukren  qal li l-qawwiet ta’ Putin komplew jitilfu l-mijiet tas-suldati fi tmiem il-ġimgħa u li l-President Russu ‘xorta beħsiebu jkompli jissagrifika l-ħajja għall-vanaglorja tiegħu’.

Jidher li l-Kremlin tilef ftit aktar minn 700 suldati oħra f’perjodu ta’ 48 siegħa. Dan meta ċ-ċifri li għad iridu jkunu sostanzjati qed jindikaw li, sa nhar is-Sibt, it-22 ta’ April, is-suldati Russi maqtulin fil-gwerra, bħala total, kienu jammontaw għal ftit anqas minn 186,000.