Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Mark Sammut idaħħal €130,000 fis-sena minn żewġ pagi għall-istess kariga

Il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Mark Sammut qed jaqla’ żewġ pagi għall-istess kariga. Dan hekk kif huwa qed jingħata paga għall-fatt li huwa Kap Eżekuttiv u paga oħra għaliex sempliċiment imexxi l-laqgħat tad-diretturi.

Artiklu ppubblikat minn ‘The Shift News’ żvela li Mark Sammut ingħata din il-kariga mill-Prim Ministru Robert Abela wara li dan ma kellu l-ebda esperjenza f’dan il-qasam. Fl-istess żmien li Sammut ingħata din il-kariga huwa kien qed jirċievi direct orders mill-ministeru tas-saħħa għan-negozju tiegħu personali.

Barra minn hekk, huwa qed jitħallas €26,000 oħra fis-sena bħala pagament addizzjoniali għaliex sempliċiment imexxi l-laqgħat tal-bord tad-diretturi fil-PBS.

Dan kollu jfisser li Sammut idaħħal ‘il fuq minn €130,000 fis-sena minn żewġ pagi għall-istess kariga fi ħdan il-PBS… f’kelma waħda dan għandu paga ta’ kważi €11,000 fix-xahar.

Din l-informazzjoni ġiet żvelata minn dokumenti li akkwista ‘The Shift News’ bis-saħħa tal-att dwar il-libertà ta’ informazzjoni. Dan għaliex għal sentejn sħaħ Sammut irrifjuta li jippubblika dawn id-dokumenti. Tant hu hekk li huwa fetaħ kawża fil-Qorti li qed tħallas għaliha l-PBS sabiex jargumenta li din l-informazzjoni għandha tibqa’ privata.

Din il-kawża qed titmexxa mill-avukat tal-PBS Mark Vassallo…l-istess avukat li qed jiddefendi lil eks Chief of Staff Keith Schembri fuq akkużi kriminali. Barra minn hekk, Vassallo huwa wkoll segretarju fil-bord tal-PBS.

Dan minkejja li fl-istess waqt ta’ kull sena l-PBS qed jitlef miljuni ta’ ewro anke meta qed jingħataw €6 miljuni mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikunu jistgħu jkomplu joperaw.

Meta Mark Samut kien mistoqsi minn The Shift dwar dan id-dħul addizzjonali huwa ma ġġustifikax ruħu u lanqas ma qal kemm-il darba dan il-bord qiegħed jiltaqa’ fis-sena.

Sorsi fi ħdan il-PBS esprimew ma’ The Shift li dawn il-laqgħat naqsu minn kemm ilu li Sammut ġie inkarigat f’dan l-irwol propju mill-Prim Ministru Robert Abela.

Apparti dawn il-pagamenti m’għand il-PBS Mark Sammut huwa wkoll chairman fil-kumpanija Malta Air Travel, linja tal-ajru tal-Gvern li nfetħet mill-eks Ministru Konrad Mizzi.

Intant, rapport riċenti żvela li Sammut u l-kumplament tal-bord tal-Malta Air Travel kienu qed iħallsu lilhom nfushom aktar milli suppost. Iżda minkejja dan kollu l-Gvern immexxi minn Robert Abela għadu ma ħa l-ebda azzjoni f’dan il-konfront.