Illum, fil-Jum Dinji ddedikat lill-Ktieb, id-Drittijiet tal-Pubblikazzjoni u l-Libreriji, bit-tema tal-UNESCO tiffoka fuq il-lingwi indiġeni, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur kultura kolta li tiffoka fuq il-qari u l-importanza tal-promozzjoni tal-ktieb.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri, il-Partit Nazzjonalista qal li f’perjodu fejn għaddejja kampanja favur l-Ilsien Malti, li biha qed isir għarfien usa’ dwar l-importanza li jkun użat l-ilsien nazzjonali tagħna, itenni l-ħtieġa li l-pajjiż jinvesti serjament biex ikunu introdotti mezzi diġitali li jwasslu l-lingwa tagħna b’modi diversifikati u attrajenti għad-dinja tal-lum biex il-qari jingħata bixra moderna u friska għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinnota d-diffikultajiet sostanzjali li qed isibu d-Djar tal-Pubblikazzjoni lokali, filwaqt li jħeġġeġ lill-Gvern biex l-investiment f’dan ir-rigward ikun konsistenti u raġjonevoli ħalli l-ktieb jibqa’ jissaħħaħ. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, lill-Pubblikaturi Maltin, lil-Librara u lill-għaqdiet kollha involuti fis-settur tal-ktieb u l-pubblikazzjoni li jaħdmu biex iwessgħu l-opportunitajiet tal-kittieba stabbiliti u dawk emerġenti.
Illum, it-23 ta’ April hu jum simboliku għal-letteratura dinjija għax bħal-lum mietu awturi prominenti, bħal William Shakespeare, Miguel de Cervantes u Inca Garcilasco de la Vega. Dan il-jum ilu jiġi ċċelebrat sa mill-Konfereneza Ġenerali tal-UNESCO li ttellgħet f’Pariġi fl-1995.
//= $special ?>