Lokali

“Il-poplu għandu jieħu lura l-flus li nsterqu” – Bernard Grech

Il-Prim Ministru Robert Abela m’għandux saħħa biex jiddefendi lill-poplu Malti… u dan rajnih fil-każ tal-ftehim li sar mal-Vitals u Steward kif ukoll fid-deċiżjoni li tingħalaq il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.

F’intervista li saritlu mill-Malta Independent, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fost l-oħrajn dwar id-deal li l-Gvern Malti għamel ma’ Vitals u Steward, deals li seraq il-miljuni mill-poplu Malti u Għawdxi… B’Robert Abela għadu sal-lum ikaxkar saqajh biex il-poplu jingħata lura dawn il-flus kollha li nsterqu.

Bernard Grech qal li biex Gvern juri li tassew qed jieħu azzjoni, irid jieħu l-aħjar deċiżjonijiet, u ma jkun marbut ma ebda ftehim illi jsir.

Huwa saħaq li l-ewwel pass biex dan is-serq tat-tliet sptarijiet jieqaf ħadu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia iżda issa l-Gvern immexxi minn Robert Abela jrid jagħmel il-parti tiegħu u jiftaħ kawża kontra Steward biex iħallsu l-flus kollha li nsterqu – xi ħaġa li l-Prim Ministru biss jista’ jagħmilha, u li għadu m’għamilx.

Meta kien qed jitkellem dwar l-Air Malta, Bernard Grech qal li l-Gvern għandu l-obbligu li jgħid il-verita kollha dwar dak kollu li qed iseħħ fil-linja nazzjonali. Saħaq  li huwa ta’ tħassib li l-Gvern Laburista qed jevita li jitkellem dwar din il-kwistjoni tant importanti fil-Parlament. Fejn dan kollu juri li hemm numru ta’ problemi…bil-pjan li kien fassal Gvern Nazzjonalista fl-2012 spiċċa sfuma fix-xejn.

Dan hekk kif numru ta’ Ministri Laburisti fl-aħħar għaxar snin abbandunaw dan il-pjan u spiċċa kulħadd ħa direzzjoni differenti.

Bernard Grech saħaq li pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni fejn iċ-Chairman tal-Air Malta jgħid mod u l-Ministrui responsabbli mill-Air Malta jgħid mod ieħor…. Bit-tnejn ma jaqblux dwar is-sitwazzjoni preżenti li spiċċat fiha l-linja nazzjonali. Fil-fatt, iċ-Chairman qal li din se tagħlaq sal-aħħar tas-sena filwaqt illi Clyde Caruana insista li għadhom għaddejjin in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea.

Huwa fakkar kif fil-jiem li għaddew l-Ispeaker Anglu Farrugia ma aċċettax it-talba tal-Oppożizzjoni biex fil-Parlament ikun hemm dibattu fuq l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u dwar l-Air Malta. B’din id-deċiżjoni turi li l-Ispeker qiegħed hemm biss biex jipproteġi lill-Gvern.

Bernard Grech qal li pajjiżna għandu Prim Ministru li għadu qed jippersisti milli ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia għax skont hu inkjesta maġisterjali hija biżżejjed. Iżda sal-lum, Isabelle Bonnici, omm Jean Paul għadha qed titlob biex issir din l-inkjesta u tinkisef il-verità kollha ħalli fil-futur ma jerġgħux iseħħu traġedji simili.

U dwar il-Kummissarju tal-Istandards, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun meta ma kienx favur il-ħatra ta’ Joe Azzopardi. Dan hekk kif sa issa, id-deċiżjonijiet li ttieħdu minnu, kienu deċiżjonijiet li kellhom l-indħil min-naħa tal-Gvern Laburista.

Fl-istess intervista Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ President tar-Repubblika, fejn f’inqas minn sena jasal fi tmiemu t-terminu ta’ George Vella. U sa issa l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma għamel ebda komunikat mal-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex tkun diskussa l-persuna li għandha tieħu din il-kariga s-sena d-dieħla.