Internazzjonali

Is-Sudan:  Evakwazzjoni kontinwa fost l-isparaturi…bil-konflitt intern jidħol fit-tieni ġimgħa

Numru ta’ pajjiżi fl-aħħar sigħat komplew bl-isforzi urġenti biex jevakwaw lid-diplomati u ċittadini tagħhom mis-Sudan anki waqt li rrankaw il-battalji fil-kapitali Khartoum u bliet oħrajn.

Intant, daħlet fit-tieni ġimgħa l-gwerra interna bażata fuq taqbida għall-poter bejn l-Armata regolari tas-Sudan u l-milizzji paramilitari tal-grupp RSF – bil-battalji jwasslu għall-bumbardamenti bla heda fil-kapitali, fost l-imwiet taċ-ċittadini ‘bil-mijiet’ u b’eluf jispiċċaw feruti.

Fl-aħħar sigħat tkellem il-President tal-Istati Uniti Joe Biden li kkonferma li l-militar ta’ pajjiżu kien evakwa lid-diplomati Amerikani u familthom minn Khartoum waqt azzjoni effettiva u dixxiplinata. L-evakwazzjoni saret permezz ta’ ħelikopters tal-Armata tat-tip Chinook li niżlu qrib l-Ambaxxata Amerikana biex itellgħu lill-istaff diplomatiku u jbiegħdu lilhom u qrabathom mill-inkwiet.

Intant, Franza wkoll kienet qed tevakwa liċ-ċittadini tagħha, flimkien maċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, minn Khartoum.

Dan waqt li kelliema għall-Armata Sudaniża u s-sorsi viċin il-paramilitari li qed jiġġieldu kontra tagħha qalu li xi ‘gruppi ta’ armati’ kienu sparaw fuq konvoj li kien qed iwassal numru ta’ nies ‘il hinn mill-Ambaxxata Franċiża u bir-riżultat li l-konvoj kellu jdur lura lejn Khartoum. Intant, l-Armata tas-Sudan u l-RSF qegħdin iwaħħlu f’xulxin ‘għal dan l-attakk sfaċċat fuq iċ-ċittadini barranin’.

L-awtoritajiet Franċiżi ma kkonfermawx dan l-attakk iżda sostnew li l-militar ta’ Franza li hu bbażat fi Djibouti kien qed jieħu sehem fl-evakwazzjoni tan-nies mis-Sudan.

Fl-istess ħin, l-Olanda, l-Italja, il-Belġju u l-Ġappun ukoll kienu qed jevakwaw liċ-ċittadini rispettivi minn Khartoum fost kriżi umana li aktar kulma jmur qed tiżviluppa.

Dan waqt li ċ-ċivili Sudaniżi f’Khartoum qed ikollhom jagħżlu jekk jippruvawx jitilqu huma wkoll u jissugraw mewta kważi ċerta inkella jibqgħux id-dar fejn qed jispiċċawlhom l-ikel u l-ilma, minbarra affarijiet oħra essenzjali.

Is-sitwazzjoni saret jerġa’ aktar allarmanti fost ir-rapporti li l-konnettività bl-Internet ikkrollat kważi għal kollox fis-Sudan. L-iżvilupp, fil-fatt, kapaċi jtellef ħafna l-koordinazzjoni tal-għajnuna għan-nies li spiċċaw iżolati u f’sitwazzjoni perikoluża għall-aħħar fil-kapitali u bliet oħra Sudaniżi.