Raġel ta’ 33 sena ammetta li attakka lis-sieħba tiegħu u kkaġunalha ġrieħi gravi waqt li kien fis-sakra fis-sigħat bikrin tas-Sibt. Milosz Dlugosz, li twieled il-Ġermanja, għandu passaport Pollakk u jgħix San Pawl il-Baħar, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u akkużat li weġġa’ gravi lis-sieħba tiegħu, insulentaha, u heddidha sal-punt tal-provokazzjoni.
Huwa kien mixli wkoll li wettaq reat waqt li kien fuq libertà kondizzjonata minn sentenza oħra. Ir-raġel ammetta l-akkużi kollha u kkonferma l-ammissjoni tiegħu meta l-qorti tagħtu l-ħin biex jerġa’ jaħsibha. L-Avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud qalet li filwaqt li l-akkużat għandu problema tax-xorb, mhux raġel ħażin u ddispjaċih minn għemilu.
Ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jeskala l-inċident iżda r-rabja tiegħu u l-problema tax-xorb ma ħallewx jikkontrolla lilu nniffsu. L-Ispettur Sherona Buhagiar qablet ma’ l-Avukat Mifsud, li qalet li l-akkużat kien ammetta mal-pulizija li kien fis-sakra u għandu problema tal-alkoħol u kkoopera tul il-proċeduri.
Hija rrakkomandat li fis-sentenza finali tiġi nkluża ordni biex jattendi trattament għall-abbuż mill-alkoħol. “Madankollu, nixtieq nirrimarka li l-ebda tip ta ‘vjolenza mhi aċċettabbli anki jekk persuna tkun fis-sakra u xorta nixtieq nirrakkomanda sentenza effettiva ta’ ħabs,” qalet l-Ispettur.
L-Avukat Mifsud qalet li Dlugosz jiddispjaċih għal dak li għamel, u li dan kien dovut għall-iżbalji tiegħu u kien konxju li r-reati li kien mixli bihom ma jġorrux il-possibbiltà ta’ sentenza sospiża, madankollu, talbet li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-qorti tikkunsidra li ma tagħtix is-sentenza ta’ piena massima. Il-Maġistrat iddifferixxit is-sentenza għal nhar il-Ħamis, 27 ta’ April u żammet lill-akkużat arrestat sa dakinhar.