Lokali

L-aġenzija INDIS se tittermina l-konċessjoni tas-sit fejn inqatel Jean Paul Sofia

L-aġenzija tal-Gvern INDIS se tittermina l-konċessjoni u tieħu lura s-sit fejn Jean Paul Sofia tilef ħajtu traġikament fit-3 ta’ Diċembru li għadda fl-età ta’ 20 sena.

F’artiklu tal-MaltaToday intqal li l-aġenzija INDIS fetħet kawża l-Qorti kontra Kurt Buhagiar u Matthew Schembri li propju kienu qed imexxu dan il-proġett ta’ bini. Ir-rapporti jindikaw li Buhagiar huwa uffiċjal tal-Lands Authority…entità oħra tal-Gvern.

Fuq din l-art kellha tinbena fabbrika, iżda dan ix-xogħol qatt ma tlesta minħabba li din il-binja kkrollat. Kaġun t’hekk iż-żagħżugħ ta’ 20 sena nqatel u diversi ħaddiema kienu weġġgħu serjament.

L-aġenzija INDIS qed tgħid li bħalissa s-sit ta’ kostruzzjoni jinsab taħt il-ġurisdizzjoni tal-Maġistrat hekk kif għadha għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali dwar din it-traġedja. Din l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.

Kelliema għall-INDIS qal li l-aġenzija għamlitha ċara li fl-ebda punt ma kienet involuta fil-proċess ta’ kostruzzjoni u ma għamlet l-ebda xogħol fuq dan is-sit.

Fl-artiklu l-Malta Today intqal illi l-Maġistrat ordna t-twaqqigħ tas-sit fejn inqatel Jean Paul Sofia f’Marzu li għadda hekk kif l-evidenza neċessarja nġabret. Iżda dan ifisser li ma tista’ issir ebda investigazzjoni ulterjuri kemm-il darba tiġi ordnata Inkjesta Pubblika; kif qed titlob omm Jean Paul Sofia.

Sal-lum il-ġurnata wara li għaddew kważi ħames xhur l-ebda pesuna ma ġiet arrestata b’rabta ma’ din it-traġedja. Dan meta f’pajjiżna kellna sitwazzjoni simili meta Miriam Pace inqatlet hekk kif ikkrollat darha…u mal-ewwel, 4 persuni ġew arrestati.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappoġġja lil Isabelle Bonnici f’din it-talba għal Inkjesta Pubblika bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jiltaqa’ diversi drabi ma’ omm Jean Paul sabiex jassigura l-appoġġ totali tiegħu.