Għoxrin xahar mill-mewta traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li nhar is-Sibt, 3 ta’ Diċembru, 2022 tilef ħajtu maqbud taħt it-tifrik, il-brikks, il-ġebel u materjal ieħor tal-kostruzzjoni hekk kif parti minn binja ta’ tliet sulari fil-Qasam Industrija f’Kordin fi stat ta’ kostruzzjoni ġġarrfet għalkollox u qatlitlu.
It-traġedja ‘Jean Paul Sofia’ – ta’ għoxrin sena residenti s-Swatar – għadha tidwi u fuq fomm ħafna minna, l-aktar dawk li jkomplu jistaqsu għaliex il-Prim Ministru Robert Abela, akkost ta’ kollox, qiegħed ikompli jiċħad milli jilqa’ t-talba tal-omm u ta’ ħafna oħrajn li ssir Inkjesta Pubblika dwar dak kollu li ġara b’rabta ma’ dan il-każ.
Dakinhar ta’ din it-traġedja, ħames ħaddiema oħra – tliet Albaniżi, Bożnijak u Malti – kienu ħelsuha minn ħalq il-mewt hekk kif ukoll kienu nqabdu taħt it-terrapien, iżda b’xi mod, b’miraklu, kienu spiċċaw fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u ħajjithom kienet salvatha.
Iżda d-destin kien għalkollox differenti fil-konfront ta’ Jean Paul Sofia u bir-raġun kollu li Isabelle Bonnici, omm iż-żagħżugħ, għadha sal-lum titlob bil-ħniena li ssir Inkjesta Pubblika dwar dak kollu li ġara bl-iskop li jkunu stabbiliti l-fatti dwar din it-traġedja iżda wkoll bl-iskop li traġedji bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.
Fit-talba tagħha lill-Prim Ministru Robert Abela, Isabelle Bonnici qed tgħid li hu biss permezz ta’ Inkjesta Pubblika “li nistgħu nevitaw iktar tbatija. Hu biss b’dan il-mod lijista’ jkollna ġustizzja u trasparenza, biex kull min għandu jdejh imċappsa bil-mewt ta’ ibni u kull min m’għamilx xogħlu, jiffaċċja l-konsegwenzi.”
Isabelle Bonnici kemm-il darba tenniet li din mhix xi kwistjoni politika waqt li tisħaq li hu biss permezz ta’ Inkjesta Pubblika li jistgħu jkunu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistemà u jkun żgurat li traġedji simili ma jerġgħux iseħħu.
It-talbiet ripetuti ta’ Isabelle Bonnici ma ntlaqgħux mill-Prim Ministru Robert Abela u l-istess omm iddikjarat li kienet diżappuntata b’dan għaliex il-Prim Ministru kien sod kontra li jsejjaħ Inkjesta Pubblika iżda fl-istess ħn deher ċar li għandu jdejh marbuta u li hemm xi ħaġa li qed iżżommu lura… “Iltqajt mal-Prim Ministru u wrieni li jdejh marbuta.”
Għax fl-istess ħin l-istess Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel pressjoni kbira fuq il-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann li qed tmexxi l-Inkjesta Maġisterjali dwar din it-traġedja biex tgħaġġel u tħaffef tikkonkludi din l-istess Inkjesta Maġisterjali!
Sorsi infurmati li fil-jiem li għaddew iltaqgħu ma’ Il-Mument żvelaw magħna li din hi Inkjesta Maġisterjali mill-aktar sensittiva u l-Prim Ministru m’għandu qatt jagħmel din it-tip ta’ pressjoni fuq il-Maġistrat tal-Għassa biex ifittex jagħlaq tali Inkjesta Maġisterjali. Dan hu totalment inaċċettabbli mill-Prim Ministru li m’għandu qatt jindaħal fix-xogħol tal-Ġudikatura jew jagħmel xi tip ta’ pressjoni.
Komplew jistaqsu s-sorsi infurmati ta’ Il-Mument jekk b’dan il-komportament xejn etiku tiegħu l-Prim Ministru hux jipprova joħroġ għonqu għal xi ħadd partikulari li jista’ jkollu responsabbiltà jew responsabbiltajiet f’din it-traġedja.
Staqsew ukoll jekk jistax jagħti l-każ li l-Prim Ministru Robert Abela b’din il-pressjoni tiegħu hux jipprova joħroġ għonqu għal xi kuntrattur jew għal xi persuna oħra li ngħatatlu din l-art partikulari fejn seħħet it-traġedja.
Għaliex kollox jindika li hemm numru ta’ mistoqsijiet mill-aktar validi u interessanti kif din l-art tal-Gvern inkwistjoni spiċċat għand l-iżviluppaturi. Din hi art li kienet għand dik li hi magħrufa bħala Indis Matla, l-aġenzija tal-Gvern responsabbli miż-żoni industrijali. Fl-
isfond ta’ dan wieħed jibda jipprova jifhem għaliex dan is-skiet totali kemm mill-Gvern Ċentrali u anki mill-Indis Malta dwar dawk li ngħataw din l-art massiċċa f’Kordin u anki dwar min hu involut f’dan il-proġett li suppost kellu jwassal biex tkun żviluppata fabbrika tal-injam.
Is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna li dan l-iżvilupp fil-fatt kien qiegħed isir grazzi għal konċessjoni li ngħatat ftit tas-snin ilu minn Indis Malta meta kienet għadha magħrufa bħala Malta Industrial Parks. Dakinhar din il-konċessjoni kienet ingħatat lil ċertu Matthew Schembri.
B’mod spedit ħafna – mingħajr spjegazzjoni – il-permessi kollha meħtiepa għall-iżvilupp ta’ fabbrika tal-injam kienu nħarġu f’Ġunjui li għadda mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-persuna responsabbli mill-applikazzjoni ta’ dan il-proġett kienet il-Perit Adriana Zammit li kienet tokkupa wkoll kariga ferm importanti fit-Tmexxija ta’ Infrastruttura Malta. Tajjeb li wieħed jippreċiża wkoll li l-istess Perit Adriana Zammit kienet isservi wkoll bħala Case Officer fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar.
Interessanti l-fatt li l-kostruzzjoni ta’ din il-binja kienet qed issir minn kumpanija tal-kostuzzjoni mis-Serbja… Miromir Milosovic… li ilha taħdem fil-gżejjer Malting ħal dawn l-aħħar ftit snin! Għad irid ikun stabbilit kemm-il darba l-ħaddiema kollha – inkluż dawk li fil-ħin tat-traġedja ma kenux fil-post tax-xogħol – jaħdmu f’pajjiżna skont il-Liġi, u, ċioè, bil-Ktieb tax-Xogħol!
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju stabbilit grazzi għal stħarriġ li għamel Il-Mument fil-jiem li għaddew, allura aħna nerġgħu nistaqsu: X’inhi din il-pressjoni ta’ Robert Abela fuq il-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia biex tħaffef tlesti l-Inkjesta Maġisterjali li fiha għad hemm iridu jirrelataw għadd kbir ta’ Esperti tal-Qorti?
Jaf il-Prim Ministru li b’rabta ma’ din l-Inkjesta Maġisterjali, il-Qorti ħatret għadd kbir ta’ Esperti biex jagħmlu rapport u jgħinuha fl-istess Inkjesta? Jaħsibx li din hi traġedja kbira ħafna u allura x-xogħol tal-Esperti u l-Periti tal-Qorti hu wieħed tassew delikat u diffiċli u hu importanti li jsir b’serenità u mingħajr pressjonijiet żejda?
Forsi l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel din il-pressjoni bla sens fuq il-Ġudikatura sempliċiment biex jiddevja mill-Inkjesta Pubblika li kellu d-dmir li jaħtar dwar l-istess traġedja li qed jonqos
milli jaħtar għal xi raġuni jew oħra li għadu jżomm moħbija? Inkjesta Pubblika li kieku tinħatar allura għandha għadd ġmielu ta’ fatti x’tistabbilixxi u dan kollu jkun fl-interess pubbliku?
Il-poplu Malti u Għawdxi għandhom kull dritt li fil-pajjiż l-affarijiet isiru bis-serjetà biex f’każijiet bħal dawn inkunu indikati dawk li għandhom iġorru xi tip ta’ responsabbiltà għal dak kollu li ġara. Kemm waqt il-mument tat-traġedja, iżda anki qabel il-jum tat-traġedja. Kemm fil-konfront ta’ min seta’ naqas min-naħa tal-Gvern, taċ-Ċivil, ta’ xi awtorità konċernata… biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.
Minkejja kollox sa issa Robert Abela qiegħed jibqa’ jwebbes milli jaċċetta li ssir Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ‘Jean Paul Sofia’… għaliex ma jridx jgħidilna kif din l-art pubblika u f’żona industrijali ngħatat lil ċerti persuni. Ma jridx jgħidilna dawn iċ-ċerti persuni min huma! Ma jridx jgħidilna x’konnessjonijiet jista’ jkun hemm bejn dawn iċ-ċerti persuni u hu (iva, hu, miegħu, mal-Prim Ministru Robert Abela nnifsu)!
Ma jridx li l-poplu Malti u Għawdxi jsir jaf xi ftehim sar bejn il-Malta Industrial Parks u din il-kumpanija partikulari li ħadet f’idejha din l-art f’Kordin. X’obbligi ngħatat. X’obbligi huma mistennija mingħandha. Kif il-permessi ħarġu malajr malajr. Forsi b’xi ndħil ukoll mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru! Jew minnu stess direttament!
Għax Il-Mument illum tista’ tiżvela kif min ingħata din l-art pubblika f’Kordin hu magħruf sew li hu qrib dawk f’Kastilja… u tal-Partit Laburista! Mhux hekk Robert Abela? U fost dawk involuti fil-kisba ta’ din l-art hemm ukoll min għandu fedina penali mill-aktar ikkulurita!
Jiġifieri kollox jindika li din iċ-ċaħda tal-Prim Ministru Robert Abela għal Inkjesta Pubblika dwar din it-traġedja għandha spjega ċara ħafna… Robert Abela qed jissokta jirrifjuta sempliċiment biex jieħu ħsieb ismu; ismu ħalli ma jiċċappas ma’ kriminali jew ma’ persuni li għandhom dellhom tqil.
Robert Abela dwar dan il-każ partikulari għadu ħafna x’jitlef… għandu ħafna x’jaħbi. Għax forsi għandu konnessjonijiet diretti jew indirietti ma’ min ingħata din l-art għall-iżvilupp! U għalhekk ma jridx li l-Inkjesta Pubblika – darba stabbilitha – tidħol f’dawn il-merti kollha. Għax hu ovvju li darba dawn il-mistoqijiet, u bosta oħrajn,
ikunu wieġba allura jkun iffurmat kwadru ferm interessanti. Għalhekk nifhmu u napprezzaw li Robert Abela għandu ħafna x’jaħbi. Forsi x’jaħbi fil-konfront ta’ nuqqasijiet mill-Gvern? Jew forsi nuqqasijiet direttament minnu!
Dejjem emminna li Prim Ministru serju ta’ pajjiż għandu jassigura li l-affarijiet isiru kif suppost. Bi trasparenza. B’akkontabbiltà. Billi l-mistoqsijiet ikunu mwieġba. Billi d-dubbji jkunu ċċarati.
Forsi xi dubbji dwar il-jott li l-istess Prim Ministru għandu fi Sqallija jew xi konnessjonijiet li dan jista’ jkollu ma’ xi ħadd minn dawk involuti – direttament jew indirettament – ma’ din it-traġedja! Il-famuż jott li konna aħna ta’ Il-Mument li żvelajna l-istorja dwaru. U għalhekk tajjeb li l-Prim Ministru joħroġ nadif anki fir-rigward tal-jott tiegħu, tal-konnessjonijiet tiegħu ma’ Sqallija u anki mal-possibbiltà konnessjonijiet tiegħu ma’ dawn it-terzi… li forsi hemm minnhom min hu klijent tiegħu!
Għal-lum nieqfu hawn. Nibqgħu nuru solidarjetà ma’ Isabelle Bonnici, il-mama ta’ Jean Paul Sofia, li għandha kull raġun tisħaq u titlob għal Inkjesta Pubblika li tagħti r-rakommandazzjonijiet fuq in-nuqqasijiet li hemm fis-sistema. Dawn joħorġu biss minn Inkjesta Pubblika għax hu hekk biss li jista’ jkollna riforma li tagħti l-frott fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni.
Dan fl-isfond ta’ l-Inkjesta Maġisterjali li twassal biss għal ġustizzja kriminali u dan jekk issib li kien hemm xi reat. Għaldaqstant, hi biss Inkjesta Pubblika li tista’ twassal għall-ġustizzja amministrattiva u twassal għal riforma biex dawk il-proċessi li huma ħżiena jew dgħajfa, jissaħħu b’rispett lejn il-ħajja u s-sigurtà tan-nies.
//= $special ?>