Lokali Qorti

Mixli b’abbuż fuq missieru

Raġel ta’ 41 sena nżamm arrestat il-Ħadd wara li wieġeb mhux ħati li abbuża minn missieru anzjan b’diversi modi. Fabian Vella, li qal li ma jaħdimx, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u akkużat li uża vjolenza, kemm morali u psikoloġika, biex iżola jew jillimita l-aċċess ta’ missieru ta’ 72 sena għal flusu u kkawża lil missieru biża li se tintuża vjolenza kontrih.

Ġie mixli wkoll li kkaġunalu ħsara meta b’mod volontarju weġġgħu. Ġie mixli wkoll li sar reċidiv. Iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest ta’ Vella ma ħarġux fil-Qorti. L-Avukat tal-għajnuna legali Martha Mifsud qalet li d-difiża mhux se tkun qed tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-Prosekuzzjoni.