Newcastle United taw wirja perfetta biex ġabu fix-xejn lil Tottenham Hotspur, 6-1, f’St James Park u meta huma, issa, ikkonsolidaw it-tielet post fil-Premier League b’differenza ta’ gowls superjuri għal Man Utd li għandhom l-istess punteġġ bħall-Geordies iżda b’logħba anqas.
Din il-logħba kienet prattikament bla storja wara biss 21 minuta u li fihom Newcastle irnexxielhom jiskurjaw ħames darbiet — u kważi ma’ kull attakk li bdew itellgħu. L-iskor momentarju ta’ 5-0 kien anki l-ewwel darba li qatt kienu skurjati ħames gowls f’bidu daqshekk qasir għal logħba tal-Premier League u ma kenitx sorpriża li Spurs, minn dak il-ħin, sfaxxaw għal kollox.
Bilkemm laħqet għaddiet minuta meta Newcastle żblukkaw ir-riżultat minn Jacob Murphy u bit-tieni gowl ta’ Joelinton (6) jasal meta d-difiża ta’ Tottenham kienet għadha qed tistejqer mid-disfatta bikrija — bil-Brażiljan idur mal-gowlkiper Lloris qabel xeħet f’xibka vojta.
Is-sitwazzjoni għal Tottenham kompliet mill-ħażin għall-agħar, bil-partitarji f’St James Park jiċċelebraw it-tielet gowl inkredibbli ta’ Newcastle fid-disa’ minuta; b’Murphy jgħaqqad doppjetta personali b’xutt mid-distanza u b’Lloris (li fil-mistrieħ ċeda postu lil Fraser Forster) lanqas biss jagħmel tentattiv biex isalva.
Il-gowls ta’ Newcastle komplew jaslu b’mod regolari b’Alexander Isak ukoll iniżżel ismu mal-iskorers b’żewġ gowls opportunisti fid-19 u l-21 minuta biex niżżel is-siparju darba għal dejjem fuq it-tamiet ta’ Spurs li jsalvaw punt – u x’aktarx li anki post fiċ-Champions League għall-istaġun li ġej.
It-tieni 45 minuta kienu pjuttost nieqsa mill-eċċitament għalkemm Harry Kane (49) irnexxielu jnaqqas l-iżvantaġġ enormi b’xutt għar rokna minn angolu diffiċli u wara li għeleb l-isfida ta’ Fabian Schar mal-linja tax-xellug.
Iżda ma setax jonqos li l-aħħar kelma kellha tkun ta’ Newcastle, bis-sostitut Callum Wilson (67) jikkonkludi l-iskor tennistiku, 6-1, meta ġera għall-assist ta’ Miguel Almiron biex jixħet fix-xibka ta’ Forster.
Fil-logħba l-oħra, West Ham United ħadu pass sinifikanti lejn is-salvazzjoni b’rebħa kbira oħra, 4-0, fuq Bournemouth li ddiżappuntaw bis-sħiħ fil-Vitality Stadium. San ir-riżultat, intant, reġa’ daħħal liċ-Cherries fl-inkwiet minkejja li għandhom vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb tim (Everton) fiz-zona l-ħamra tal-klassifika.
Il-Hammers kellhm jistennew biss ħames minuti biex jiftħu l-iskor minn Michael Antonio li għola fuq kulħadd u sab ix-xibka bir-ras; b’Lucas Paqueta jirdoppja b’header ieħor – fuq l-assist ta’ Coufal – seba’ minuti wara.
Qabel il-mistrieħ il-captain ta’ West Ham, Declan Rice (43) ikkonkluda mill-viċin għat-3-0 waqt taħwida fil-kaxxa ta’ Bouremouth u fit-72 minuta, is-sostitut Pablo Fornals għaqqad il-poker għal West Ham bi ‘scorpion kick’ spettakulari fuq il-kross ta’ Jarrod Bowen.
//= $special ?>