Lokali

“Se nkun viġilanti fuq il-Gvern biex jinvesti kull ċenteżmu Malti u Għawdxi” – David Casa

“Il-Fond Soċjali għall-Klima issa sar Liġi Ewropea. Hekk issa ġew fi tmiemhom negozjati twal li kelli biex il-Maltin u l-Għawdxin jieħdu €60 miljun… għaxar darbiet aktar tal-fondi li kienu ppjanati għalina.

“Kburi b’dak li ksibna għaċ-ċittadini biex ninvestu f’enerġija nadifa, flus għal karozzi elettriċi, pannelli solari u insulazzjoni aħjar.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ Il-Mument David Casa, l-Ewro Parlamentari Nazzjonalista, li aktar kmieni din il-ġimgħa tkellem magħna fit-tul dwar dak li seħħ fis-sessjoni plenarja ta’ Strasburgu din il-ġimgħa stess fejn kien hemm vot favur pakkett leġislattiv dwar il-klima.

It-test sħiħ tal-intervista mal-Ewro Parlamentari David Casa hu:

Din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta’ Strasburgu vvota għal pakkett leġislattiv dwar il-klima. Inti kont qiegħed tmexxi l-Fond Soċjali għall-Klima li jifforma parti minn dan il-pakkett. X’kien is-sehem tiegħek eżatt?

Nhar it-Tlieta, il-Parlament Ewropew approva l-aktar pakkett ambizzjuż għall-klima, pakkett li se jopera b’mekkaniżmu soċjali ta’ bosta biljuni investiti permezz tal-Fond Soċjali għall-Klima. Jiena kont fdat immexxi n-negozjati f’isem l-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, u b’mod ġenerali għall-Parlament Ewropew.

Bħala negozjatur ewlieni għall-Fond, jiena kunfidenti ngħid li huwa l-aktar miżura soċjali sinifikanti fit-triq tagħna lejn l-objettivi tagħna għall-klima. Għax permezz tal-Fond se nkunu qed ninvestu €86.7 biljun madwar l-Ewropa biex nipproteġu lill-familji u n-negozji iż-żgħar mill-effetti tat-transizzjoni klimatika.

Kienu xhur twal ta’ negozjati, b’laqgħat minnhom li damu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Ridna li jkun hemm qbil. U dħalna għal dawn il-laqgħat bi tliet prioritajiet. L-ewwel, li l-Maltin ikollhom allokazzjoni li jixirqilhom. It-tieni, li l-fondi jaslu fejn l-aktar li se jkollhom effett. U fl-aħħar, li neliminaw kemm nistgħu r-riskji għal abbużi mill-gvernijiet.

Ma kinitx faċli. Kien hemm ħafna interessi madwar il-mejda, kemm min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll mir-rappreżentanti għall-gvernijiet tal-istati membri kollha. Biex ma nsemmix il-pożizzjonijiet differenti tal-gruppi politiċi ġewwa l-Parlament Ewropew. Fl-aħħar mill-aħħar il-Parlament Ewropew ma jiddeċidix waħdu, imma huwa l-vuċi diretta taċ-ċittadini għaliex hu l-unika istituzzjoni Ewropea eletta direttament mill-poplu.

Minkejja l-isfidi, ksibna pożizzjoni bilanċjata u fl-aħħar kellna riżultat pożittiv ħafna. Il-Parlament ivvota b’maġġoranza assoluta ta’ 82% favur il-Fond Soċjali għall-Klima biex jibda jopera fl-2026.

U rrid lill-kollega Olandiża Esther de Lange f’isem il-Kumitat għall-Ambjent u s-Sigurtà fl-Ikel, li magħha ħdimt tajjeb ħafna biex rajna li l-interessi taċ-ċittadini jiġu mħarsa.

X’miżuri se jkunu qed jittieħdu minn dan il-Fond Soċjali għall-Klima?

Il-punt tal-Fond hu li ninkludu lill-familji u lill-intrapriżi żgħar biex ikunu parti mis-soluzzjoni sabiex innaqqsu l-emissjonijiet u ntejbu l-effiċjenza fl-enerġija.

It-tibdil tal-klima qed tkun ta’ pressjoni fuq iċ-ċittadini. Madwar l-Ewropa, ċerti fossil fuels splodew fil-prezzijiet. U għalhekk huwa ċar li rridu nipproteġu liċ-ċittadini billi nersqu aktar viċin enerġija aktar sostenibbli u li hija aktar stabbli fil-prezz.

Dan l-investimenti rrid narah permezz ta’ pannelli solari, permezz tal-installazzjoni ta’ insulazzjoni għad-djar u l-bini, u f’tagħmir elettroniku aktar effiċjenti. Dan kollu se jwassal għal konsum aktar effiċjenti tal-enerġija, li mhux biss se jnaqqas l-emissjonijiet li huma ta’ detriment għall-ambjent u għas-saħħa, imma li se jgħinu l-familji jiffrankaw fuq il-kont tad-dawl.

U hemm lok għal investiment fejn jidħol it-trasport ukoll. F’Malta speċjalment, l-emissjonijiet huma theddida għas-saħħa u sors ta’ ħsara ambjentali. Bil-Fond Soċjali għall-Klima, irrid nara trasport pubbliku aktar affidabbli, u investimenti pereżempju f’karozzi elettriċi.

Permezz tal-Fond, se nkunu qeghdin intejbu l-aċċess taċ-ċittadini għal dawn l-investimenti, li konvint li se jkunu ta’ benefiċċju kemm mil-latt ta’ ambjent u ta’ soċjetà.

David, dan hu bla dubju riżultat eċċellenti għall-Ewropa kollha. Però x’se jibbenefikaw il-Maltin u l-Għawdxin?

L-ewwelnett żgur li l-miżuri li semmejt qabel se jkunu qed igawdu minnhom anke hawn f’Malta u f’Għawdex. Il-flus qeghdin hemm, u rrid li nara l-investiment f’dak li għandu x’jaqsam l-enerġija nadifa u enerġija effiċjenti jaslu għandkom.

Minn termini ta’ fondi, iċ-ċittadini Maltin mistennija jibbenefikaw minn żieda ta’ għaxar darbiet aktar fil-fondi taħt il-ftehim proviżorju, fejn ġew mobilizzati ftit aktar minn €60 miljun. Ma kinitx faċli li nżid l-allokazzjoni ta’ Malta b’dan id-daqs. Iżda sibna raġunijiet b’saħħithom biżżejjed li jsir dan, favur il-poplu Malti u ninsab kuntent ħafna li ksibt dan ir-riżultat.

Din il-ġimgħa naħseb kienet il-qofol tal-ħidma tiegħek biex dan il-Fond jitwaqqaf u jiġi adottat. Inħarsu ftit ‘il quddiem, kif qed tassigura li meta niġu għall-prattika ma jkunx hemm abbużi?

Ejja nibdew minn hawn: Dawn huma fondi għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Mhux għal Gvern Malti jew għal xi Ministru jew ieħor. Dawn huma fondi li ħafna Maltin u Għawdxin, kemm familji kif ukoll negozji żgħar, se jkunu qed jibbenefikaw minnhom.

Aħna għamilna ċert li ninnegozjaw salvagwardji stretti ħafna biex nevitaw l-abbużi. Meta jintużaw dawn il-fondi, iridu juru li dawn huma flus l-Unjoni Ewropea. Ma jistgħux jagħmlu bihom li jridu.

Apparti minn hekk, il-Kummissjoni se tevalwa pjanijiet dettaljati dwar kif il-miżuri jkunu mfassla u implimentati, fuq fatturi oġġettivi, bil-fondi jitħallsu biss mat-tlestija tal-istadji u l-miri.

Inwiegħedkom li se nibqa’ viġilanti fuq il-gvernijiet, inkluż dak Malti, biex dawn il-fondi jintużaw kif suppost u mingħajr abbużi. Ċertament li din hija l-politika li għaliha eleġġewni l-votanti Nazzjonalisti.