Lokali Qorti

Tliet żgħażagħ jingħataw il-pleġġ fuq akkużi relatati ma’ droga

Tliet żgħażagħ, żewġ ġuvintur u tfajla, u li tnejn minnhom huma aħwa u li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ngħataw il-pleġġ wara li b’mod separat tressqu l-Qorti fuq akkużi relatati mad-droga. Iż-żgħażagħ, li l-età tagħhom tvarja bejn 20 u 25 sena, tressqu l-Qorti b’mod separat u isimhom ma jistax jiġi żvelat minħabba li għadhom għaddejjin investigazzjonijiet fuq persuni oħra relatati mal-każ. L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

L-akkużati kienu ġew arrestati nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ April waqt rejd li beda f’ħanut tax-xorb f’Ħaż-Żabbar, l-Oseris Bar u ristorant f’Ħaż-Żabbar ukoll, u ssokta f’residenzi fl-istess lokalità u f’Bormla. Wieħed mill-akkużati li għandu 20 sena, wieġeb mhux ħati fuq akkużi ta’ traffikar u pusses ta’ raża tal-cannabis u l-pjanta ta’ l-istess droga.

Huwa ċaħad ukoll l-akkuża li kien fil-pussess tal-kokaina. Fil-Qorti, instema’ kif ħareġ mandat t’arrest fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga f’residenza f’Ħaż-Żabbar. Il-Pulizja qalet li fuq il-post instabu 13-il pjanta, miżien u 440 gramma ta’ cannabis grass, tmien grammi reżina ta’ kannabis u tmien grammi oħra kokaina.

L-Avukat Franco Debono flimkien ma’ l-Avukat Francesca Zarb għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba l-gravità tar-reat u minħabba terzi persuni li jgħixu fl-istess residenza jinsabu wkoll arrestati.

L-Avukat Debono qal li l-akkużat li għad għandu 20 sena, dejjem ikkopera u ammetta li l-affarijiet li kien hemm fir-residenza kienu tiegħu. Ammetta wkoll li jikkonsma d-droga u li jaħdem full time u part time u qal li l-cannabis hija sustanza legali. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, ordnat l-iffriżar tal-assi tal-imputat fuq talba tal-prosekuzzoni, prassi li dejjem issir f’każijiet bħal dawn.

Dwar iż-żagħżugħ l-ieħor ta’ 25 sena minn Ħaż-Żabbar, il-Prosekuzzjoni qalet li nħareġ mandat ta’ arrest fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga f’residenza f’Ħaż-Żabbar. Qalet li fuq il-post instabet borża mdaqqsa, bil-piż totali ta’ 80 gramma. Hu ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu l-pjanta tal-cannabis u li kiser kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża u għaldaqstant sar reċidiv.

Id-difiża, hawn immexxija mill-Avukati Francesca Zarb u Jacob Magri, talbu li jinħatar espert mediku bil-għan li jistabbilixxi jekk waqt ir-rilaxx tiegħu kienx taħt l-influwenza ta’ xi sustanzi. Qalu li jeħtieġ li l-akkużat isirlu test tad-demm qabel ikomplu l-proċeduri.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li mhux tara relevanza għal dan kollu għax it-talba saret 24 siegħa wara l-arrest tal-akkużat u anke wara li l-imputat itteħdietlu l-istqarrija fil-preżenza tal-avukat tiegħu. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat qal mal-Pulizija li ma jużax ħafna u jieħu ‘joint’ jew tnejn filgħaxija.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fl-ebda ħin ma deher li ma kienx f’sensieh tant li kkopera mal-Pulizija. Il-Qorti ordnat lill-Prosekuzzjoni jinfurmaw lill-Maġistrat inkwirenti dwar il-verbal u jieħdu direzzjoni mingħand l-istess Maġistrat dwar it-talba tad-difiża wara li titlesta l-preżentata. Id-difiża talbet għall-ħelesien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni reġgħet oġġezzjonat.

Iż-żagħżugħa ta’ 20 sena, residenti Ħaż-Żabbar ġiet akkużata li kellha fil-pussess tagħha id-droga MDMA li ma kinitx għall-użu personali tagħha. Il-Pulizija ta’ kontra d-droga ħarġet mandat ta’ arrest biex issir tfittxija fir-residenza tagħha. Il-Prosekuzzjoni qalet li f’kamritha, fil-gwardarobba kien hemm ġakketta u fiha kien hemm 10 kapsoli ta’ MDMA. Id-difiża, immexxija minn Franco Debono u Francesca Zarb, talbet il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni hawn ukoll oġġezzjonat minħabba n-natura tar-reat.

Il-Qorti fit-tliet każjijiet laqgħet it-talba tad-difiża u akkordat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet. Fil-każ taż-żagħżugħ iridu jiġu depożitati €3,000 u marbut b’garanzija personali ta’ €20,000 u oħtu se jkollha tiddepożita €3,000 u għandha garanzija personali €20,000.

Huma jridu jiffirmaw l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar u ma joħorġux mid-dar bejn il-11pm u s-6am. Filwaqt li ta-żagħżugħ l-ieħor ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq fuq garanzija personali ta’ €5,000. Irid jiffirma l-għassa ta’ Birkirkara u ma joħroġx bejn il-11pm u s-6am. L-investigazzjon tmexxiet mill-Ispetturi Marshall Mallia, Mark Cremona u John Lee Howard li ressqu lill-akkużati.