Iċ-Ċina iddisassoċjat ruħha mir-rimarki ta’ wieħed mill-ambaxxaturi tagħha wara li dan ikkuntesta l-indipendenza u s-sovranità tal-Ukrajna u pajjiżi oħra li darba kienu jiffurmaw parti mill-Unjoni Sovjetika komunista.
Il-kummenti ta’ Lu Shaye, l-ambaxxatur Ċiniż għal Franza, ħolqu għadab sħiħ speċjalment ladarba hu esprima xettiċiżmu dwar l-istatus tal-Ukrajna bħala pajjiż sovran. Dan waqt li l-Gvern fi Kiev, flimkien mal-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja, insistew biex Beijing jiċċara l-pożizzjoni tiegħu f’din is-sitwazzjoni.
Min-naħa tagħha, iċ-Ċina – li għandha relazzjoni speċjali mar-Russja ta’ Vladimir Putin – ippruvat ittaffi t-tensjoni relatata mar-rimarki ta’ Lu Shaye; bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Beijing itenni li jirrispetta l-indipendenza tar-Repubbliki kollha eks-Sovjetiċi.
Iċ-Ċina għadha ma kundannatx l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja u minkejja li tqis lilha nnfisha bħala protagonista għall-paċi jibqa’ il-fatt li hi saret is-sieħba kummerċjali ewlenija tar-Russja fi żmien meta l-Gvern ta’ Putin qed ibati taħt is-sanzjonijiet mill-Punent .
Intant, l-osservaturi barranin jemmnu li l-Ambaxxatur Lu seta ‘żvela eżattament kif taħsibha ċ-Ċina’ meta, waqt intervista man-network Franċiż LCI, kien mitlub jispjega kif Beijing qed iħares lejn l-istatus tal-Krimea li r-Russja kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-2014.
Meta enfasizzawlu li l-Krimea tifforma ‘bi dritt’ parti mill-Ukrajna taħt il-liġi internazzjonali, Lu wieġeb li ċ-ċirkustanzi mhumiex ċari u li pajjiżi bħall-Ukrajna ma jistgħux jiddependu mil-liġi internazzjonali biex jiddefendu s-sovranità tagħhom. L-Ambaxxatur żied li anki l-eks Stati Sovjetiċi mgħandhomx status effettiv taħt il-liġi internazzjonali ‘meta ma hemmx ftehim internazzjonali (taħt il-liġi) li jsaħħilhom l-istatus bħala pajjiżi sovrani.’
Il-President Putin kemm-il darba ċaħad għad-dritt tal-Ukrajna li teżisti bħala stat indipendenti — iżda fl-aħħar sigħat, kelliema għall-Gvern Ċiniż irrifjutaw il-kummenti tal-Ambaxxatur Lu u qalu li Beijing jirrispetta s-sovranità u l-integrita territorjali tal-pajjiżi kollha flimkien mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-għarfien għall-indipendenza tal-Istati’.
Intant, l-Ambaxxata Ċiniża f’Pariġi ħarġet stqarrija biex tgħid li r-rimarki tal-Ambaxxatur Lu ibbażaw fuq opinjoni personali u biex il-pajjiżi ma jinterpretawx kliemu bħala forma ta’ messaġġ uffiċjali. Madankollu, it-tliet pajjiżi Baltiċi – f’dan il-każ il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja – baqgħu urtati dwar ‘in-nuqqas ta’ rispett lejhom’ f’dan il-każ, bil-Gvernijiet rispettivi jinsistu għal spjegazzjoni dettaljata min-naħa tar-rappreżentanti diplomatiċi Ċiniżi stazzjojnati fl-ibliet kapitali partikulari.
//= $special ?>