Lokali Saħħa

Il-canteen tal-istaff u l-librerija se jinqalbu għal swali permanenti – Times of Malta

Is-swali temporanji fl-Isptar Mater Dei, jiġifieri l-canteen tal-istaff u l-librerija fost oħrajn, se jkunu qed jinżammu biex jintużaw b’mod permanenti. 

Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta fejn kien spjegat li fil-ġimgħat li ġejjin se tibda l-ħidma biex dawn is-swali jiġu rranġati bil-għan li jibdew jintużaw b’mod permanenti.

Bosta ħaddiema kif ukoll pazjenti ddeskrivew dawn is-swali bħala diżumani – b’sodod qrib xulxin  mingħajr ebda privatezza u dinjità għall-pazjent. Tant illi sabiex pazjent jieħu shower jew tal-inqas jagħmel toilet ikollu jinqeda f’portable toilet.

B’kollox hemm tal-inqas 6 swali ta’ din ix-xorta fl-Isptar Mater Dei – 6 swali mingħajr toilet deċenti jew shower – b’kelliema għal Ministeru tas-Saħħa jikkonfermaw li fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew xi xogħolijiet; minkejja li sa ftit tal-ġimgħat ilu l-Gvern kien ċaħad l-eżistenza ta’ dawn il-portable toilets u showers.

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei minħabba influss qawwi ta’ pazjenti u sussegwentament nuqqas ta’ spazju idealment kellha tiġi mgħejuna mill-Isptar San Luqa …dak iż-żmien immexxi minn Vitals u Steward.

Madanakollu tul is-snin baqa’ ma sar ebda xogħol biex dan l-isptar jaqdi lil pazjenti bi bżonn ta’ kura akuta, minkejja l-wegħdi u ppumpjar ta’ miljuni ta’ ewro minn but il-poplu.

Issa… mhux biss teżisti l-problema ta’ nuqqas ta’ sodod, iżda hemm anke l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ infermieri biex jagħtu l-kura lill-pazjenti. Tant li preżentament hemm nuqqas ta’ madwar 500 infermier – b’medja ta’ 3 infermieri ma’ 24 pazjent.