Il-ħaddiema tal-Air Malta ma jafux x’se jiġri minnhom.
L-infermiera u l-qwiebel jibqgħu jieħdu l-istess tweġiba li m’hemmx flus għalihom.
U sadanitant il-membri tal-Labour akkużati minn waħda minn fosthom illi qed jibqgħu jitħanżru minn fuq dahar il-Maltin u l-Għawdxin.
Quddiem din is-sitwazzjoni għexieren ta’ ħaddiema tal-Air Malta m’għandhom idea x’se jsir minnhom wara li tagħlaq il-linja nazzjonali tal-ajru… xi ħaġa li kienet ġiet konfermata mic-Chairperson tal-Air Malta stess. U dan minkejja li sal-2012, il-linja nazzjonali tal-ajru kellha pjan ta’ irkupru maqbul mal-Kummissjoni Ewropea u kollox kien miexi sew. Tant illi kellna lill-Ministru Konrad Mizzi jiftaħar li l-kumpanija għamlet profitt.
Iżda issa, wara 11-il sena, il-pjan ta’ Robert Abela u Clyde Caruana mal-Kummissjoni Ewropea falla kompletament, u kaġun ta’ dan, l-Air Malta se jkollha tagħlaq il-bibien tagħha… bil-ħaddiema kollha tal-linja nazzjonali se jkunu qed jitkeċċew.
Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari, Andy Ellul x’se jkun qed jagħmel il-Partit Laburista li jifforma parti minnu hu stess. Iżda Ellul ma kellux soluzzjoni għal dawn il-ħaddiema – għalkemm qalilhom biss biex iserrħu rashom.
Ironikament, dan id-diskors qalu waqt konferenza li saret it-Tnejn bl-isem ‘Il-Futur tax-Xogħol – Illum u Għada’, b’diskors minn Andy Ellul innifsu illi l-Gvern se jassigura li ħadd ma’ jaqa’ lura…kliem sabiħ li żgur ma jgħoddx għall-infermieri u l-qwiebel, illi għadhom sa issa mingħajr ebda assigurazzjonijiet dwar il-futur tagħhom.
Fl-aħħar jiem anke l-eks kunsillier tal-Partit Laburista Desmond Zammit Marmara, qal illi pajjiżna m’għadx għandu partit tal-ħaddiema.
Huwa insista illi hija ħasra li fis-sena 2023, hekk kif resqin lejn Jum il-Ħaddiem, dawk li tant ħadmu fl-imgħoddi għall-ġid u l-progress tal-ħaddiema …spiċċaw iħossuhom orfni.