Lokali

“Il-ħaddiem jibqa’ s-sinsla ta’ kull kumpanija” – Jirrankaw l-laqgħat mill-PN bi tħejjija għall-1 ta’ Mejju

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ħaddiem huwa s-sinsla tal-ekonomija. B’dan il-ħsieb f’moħħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed iżur diversi kumpaniji, mhux biss bi tħejjija għac-celebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem – iżda għaliex verament l-impjegati f’pajjiżna huma tassew fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista – l-unika partit fil-parlament Malti li preżentament qiegħed iġib l-interessi tal-ħaddiema l-ewwel u qabel kollox.

It-Tnejn filgħodu, Bernard Grech żar il-faċilitajiet ta’ Simonds Farsons Cisk, fejn intlaqa’ u ddawwar miċ-Chairman tal-kumpanija Louis Farrugia, flimkien mad-diriġenti tal-kumpanija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mal-ħaddiema kollha li ltaqa’ magħhom fis-sezzjonijiet differenti tal-kumpanija – seta’ japprezza l-avvanz li sar fit-teknoloġija, u  d-dedikazzjoni tagħhom fix-xogħol li jagħmlu b’tant kburija. Hu qal li matul din il-ġimgħa partikolari, hu importanti li wieħed japprezza kemm il-ħaddiem hu ħolqa importanti ħafna f’kull entita’ kummerċjali.

Akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti Ivan J. Bartolo u Ryan Callus, Bernard Grech segwa l-ħidma tal-impjegati li ta’ kull filgħodu joħorġu minn djarhom sabiex jaqilgħu x’jieklu għal familja fejn hawnhekk huwa faħħar ukoll il-viżjoni tal-imprendituri Maltin li jħarsu ‘l quddiem u jtejbu l-operat tagħhom.

Qal li grazzi għal din il-viżjoni li ġejja minn snin ta’ ħidma, li il-kumpanija Farsons kompliet tikber sena wara l-oħra, u llum hija maqsuma f’żewġ fabbriki – il-fabbrika Farsons u Trident Park.

Min-naħa tiegħu, Louis Farrugia qal li l-kumpanija rat li tibqa’ għaddejja mingħajr skossi, minkejja l-isfidi li ffaċċjat kawża tal-pandemija.