Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon il-bidu ta’ proċess biex il-kuntratturi fit-twaqqiegħ, fit-tħammil u fil-bini jkunu regolati wara numru ta’ inċidenti, anke fatali, u wara snin sħaħ ta’ tkaxkir tas-saqajn, fejn is-settur tħalla għal riħu, bis-suq isuq u b’min hu l-aktar b’saħħtu jħawwel.
Dan ħareġ minn stqarrija miktuba mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli tgħid li kienu ħafna l-okkażjonijiet fl-aħħar 10 snin meta l-Partit Nazzjonalista emfasizza, flimkien ma’ entitajiet u persuni interessati fl-industrija tal-bini, inklużi s-sidien ta’ propjetajiet, il-ħtieġa li ladarba l-kuntratturi huma mistennija jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom, il-funzjoni tagħhom tkun regolata bħalma hi tal-Periti u ta’ funzjonijiet oħrajn fil-qasam.
Fl-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kap Bernard Grech u tal-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Stanley Zammit, bil-parteċipazzjoni tad-Deputati Toni Bezzina, Rebekah Borg, Ryan Callus u Ivan Castillo, intensifika d-djalogu tiegħu mal-partijiet interessati, fosthom mal-Kamra tal-Periti, mal-Kamra tal-Inġiniera, mas-sezzjoni tal-kuntratturi fi ħdanl-MDA, mal-MOHSPA u mal-UHSP, kif ukoll ma’ numru ta’ individwi, kuntratturi, bennejja u sidien, fost oħrajn.Il-Partit Nazzjonalista jħoss li kien tajjeb li il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-materja tant importanti wara snin jinjora partijiet sostanzjali minn rapporti, bħar-rapport Quintano li sar wara t-traġedja ta’ Miriam Pace, u minn rakkomandazzjonijiet oħrajn fosthom mill-Partit Nazzjonalista, mill-Kamra tal-Periti u mill-Ombudsman.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jittratta dan il-proċess b’serjetà, jikkonsidra s-sottomissjonijiet magħmula b’mod xieraq u jagħti widen ta’ kull min b’xi mod jew ieħor hu interessat.
Aktar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li kull tibdil għandu jkun in vista mhux biss tat-tagħlimiet u l-esperjenzi passati, iżda wkoll bħala parti minn riformi konsistenti u gradwali bħala parti minn pjan ħolistiku li l-industrija ilha s-snin teħtieġ u titlob għalihom.
Il-Partit Nazzjonalista jittama li b’dan il-proċess, il-Gvern Laburista jibda jittratta lil dan is-settur u lil dawk kollha involuti fih bid-dinjità mistħoqqa u mhux biss b’mod preġudikat u b’kulħadd f’keffa waħda. Il-Gvern għandu jieqaf jagħmel tibdil tard wisq, bl-iskossi u b’nofs kedda. Il-liċenzjar m’għandux jitqies sempliċiment bħala dħul ieħor għall-Gvern.
Ladarba l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni diġà għandha s-saħħa li toħroġ il-liċenzji, il-Gvern irid jara li ma joħloqx strutturi oħrajn għall-istess għan, liema strutturi jkunu jservu biss biex iżidu l-burokrazija, il-flejjes u t-telf ta’ ħin.
Il-proċess ta’ liċenzjar għandu jkun sod, ġust u trasparenti, filwaqt li l-liċenzjatur għandu jkun akkontabbli tad-deċiżjonijiet meħuda. Il-liċenzjar għandu jsir minn profesjonisti b’kompetenza predeterminata li jkunu rtiraw mis-settur u skont kriterji ċari, li jinkludu wkoll iċ-ċertifikati ta’ compliance mid-Dipartimenti tat-Taxxa u l-VAT, kif ukoll validazzjoni mill-JobPlus u d-DIER dwar il-permessi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Il-proċess tat-teħid tal-liċenzja ukoll għandu jkollu kriterji stabbiliti u ċari u li jirriflettu dawk tal-għoti tal-liċenzja. Hawn il-Gvern għandu jinvesti fit-teknoloġija sabiex il-penali mill-BCA u minn entitajiet oħra, inkluż dawk relatati mal-ambjent u mas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol ikunu ikkunsidrati awtomatikament fit-tiġdid u fit-teħid tal-liċenzja.
Il-Partit Nazzjonalista jissuġġerixxi li il-kriterji jiġu assesjati fuq ċiklu ta’ tliet snin, b’uħud minnhom, speċjalment dawk li jkunu jistgħu jsiru b’mod awtomatiku, anwalment. Ukoll, il-Gvern għandu jippreżenta pjan u sistema kif dawn il-kriterji ikunu emeljorati gradwalment abbażi tal-esperjenza tas-sistema u sabiex ikun jista’ jsir it-titjijb li il-pajjiż jenħtieġlu minn din l-industrija skond miri li jistgħu jiġu imkejla li l-Gvern għandu jistabbilixxi.
Waqt illi jista’ jkun hemm lok illi din ir-riforma tikkonsidra numru ta’ grandfather rights għal perjodu definit, huwa importanti li din ir-riforma timmira għal integrita’, serjeta’, kwalita’ u standards għoljin fl-operat, inkluż il-kriterji tal-ESG.
Minflok ma jħallat u jballat proċessi simili ta’ liċenzji u liċenzji oħra, bħal pereżempju dik tal-bennejja, il-Gvern għandu joħloq u jsostni sistema biex jibqgħu jiġu aġġornati in-National Occupational Standards (NOS) u biex titjieb u tkun aktar effettiva il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. Il-Gvern għandu jsostni dan bi grants u inċentivi biex aktar individwi u kuntraturi jkunu jistgħu jiġu ikwalifikati permezz tal-Validation of Non-Formal and Informal Learning (VNFIL).
L-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi għanda tkun ċara dwar it-termini u ż-żmien speċjalment fil-każijiet ta’ kuntratti diġà iffirmati jew li qedin fi stadju avvanzat ta’ negozjati bħal tenders li diġà ħarġu, qed jiġu aġġudikati u/jew ser jingħataw fiż-żmien qarib.
Il-Partit Nazzjonalista isostni li ilu li wasal iż-żmien illi l-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni tkun modernizzati b’mod ħolistiku. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jinsisti bis-saħħa kollha illi issir inkjesta’ pubblika dwar l-inċident ta’ Jean Paul Sofia sabiex, ta’ lanqas, minn din it-traġedja, jiġu ddeterminati id-djufijiet tas-sistemi eżistenti, u jiġu misluta t-tagħlimiet meħtieġa inkluż dawk relatati mal-kuntratturi.
Il-Partit Nazzjonalista waqt li ser ikompli jiddjaloga mas-settur b’mod sħiħ, jittama li l-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi ma tieqafx biss sal-bini imma tkun tinkludi ukoll il-finitura u il-ħafna servizzi oħra kif, wara kollox, diġà huma definiti bil-liġi.
Aktar milli lejn riklamar frivolu, il-Partit Nazzjonalista jfittex u jħares lejn komunikazzjoni effettiva, trasparenza, akkontabilita’ u governanza tajba fl-industrija u fuq is-sit tal-kostruzzjoni li jgħatu valur akbar lis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni u jnisslu il-fiduċja tal-pajjiż fl-istess industrija.
//= $special ?>