Lokali Qorti

Ilment minn Yorgen Fenech fil-Qorti Ewropea talli ma ngħatax il-pleġġ

Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat li wettaq il-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia, ressaq ilment quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) dwar id-detenzjoni fit-tul tiegħu. It-tim legali ta’ Fenech qed isostni li, wara 15-il talba għal pleġġ li dejjem fallew, ir-rifjuti tal-awtoritajiet għal pleġġ qed isiru aktar ġeneriċi, ripetittivi, u sterjotipati.

Il-pleġġ għal Fenech ġie miċħud għall-ewwel darba f’Diċembru 2019, xahar wara li tressaq il-Qorti, bil-Qrati jiċċitaw biża’ dwar it-tbagħbis tal-evidIenza u t-tfixkil tal-ordni pubbliku. Minkejja tmien applikazzjonijiet sussegwenti għal libertà proviżorja, l-avukati ta’ Fenech komplew jargumentaw għall-ħelsien mill-arrest preventiv fejn qalu li huwa dritt sagrosant tal-klijent tagħhom.

F’Mejju 2021, l-avukati ta’ Fenech ressqu proċedimenti kostituzzjonali quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili, bl-argument li ċ-ċaħda ripetuta tal-pleġġ kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu. L-applikazzjoni ġiet miċħuda minħabba tħassib li seta’ jaħrab minn dawn il-Gżejjer, minħabba li kien fuq il-jott tiegħu fi triqtu lejn Sqallija waqt l-arrest tiegħu.

L-att tal-akkuża fil-konfront ta’ Yorgen Fenech inħarġet ’Awwissu 2021, li beda jinstemgħu s-sottomissjonijiet ta’ qabel il-ġuri quddiem il-Qorti Kriminali. Madankollu, l-avukati tiegħu jargumentaw li d-“detenzjoni fit-tul” tiegħu tikser id-dritt tiegħu għal proċess fi żmien raġonevoli jew ħelsien mod ieħor fl-istennija tal-proċess skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Avukati ta’ Fenech, Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri jsostnu li r-raġunijiet tal-Qrati li rrifjutaw it-talbiet tiegħu għall-libertà proviżorja kienu “identiċi” għal dawk imsemmija fl-aktar pronunzja riċenti f’Diċembru li għadda.

Huma akkużaw lill-Qrati li wrew “eżitazzjoni persistenti” li jaċċettaw l-oġġezzjonijiet tal-Prosekuzzjoni għat-talbiet ta’ Fenech għall-ħelsien mill-arrest mingħajr ma jivverifikaw jekk ir-raġunijiet sottostanti kinux veri. L-avukati ta’ Fenech ikkwotaw is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittiiet tal-Bniedem 18-il sena ilu fejn id-drittijiet fundamentali ta’ Meinrad Calleja ġew miksura minħabba ż-żmien li qatta’ f’kustodja preventiva waqt li kien qed jistenna l-proċess għall-allegat involviment tiegħu fl-attentat ta’ qtil tal-assistent personali tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.