L-eżodu tal-barranin – ċittadini u diplomati – qed ikompli minn Khartoum u bliet Sudaniżi oħra fejn għaddejjin il-battalji kontinwi bejn l-Armata nazzjonali u l-paramilitari tal-RSF li qed jiġġieldu għat-tmexxija tal-pajjiż.
Il-parti kbira tal-Istati tal-Punent qed jevakwaw b’urġenza liċ-ċittadini tagħhom mill-kapitali Sudaniża, bil-komunità internazzjonali tappella għall-waqfien mill-ġlied permamenti fis-Sudan fejn l-eluf kbar tal-familji qegħdin jgħixu minn kalvarju sħiħ fost in-nuqqasijiet tal-ikel u affarijiet oħra bażiċi. Dan ukoll meta n-naħat avversarji fis-Sudan qed jidhru ‘il bogħod minn kwalunkwe forma ta’ ftehim biex jikkonkludu din il-gwerra interna.
Skont l-aħħar ċifri, ‘il fuq minn 500 spiccaw maqtula, bil-feruti kapaċi jaqbżu l-5,000 mindu żbroffa l-ġlied fis-Sudan fil-15 ta’ April. Fl-istess ħin mhux eskluż li l-vittmi jistgħu jkunu ħafna akbar.
Fil-fatt, mhux ċar li wieħed ikollu stampa ċara dwar dak li għaddej bħalissa fis-Sudan minħabba li l-mezzi ta’ komunikazzjoni ma’ Khartoum mhux jiffunzjonaw b’kaġun tal-ġlied. Intant, għadha wieqfa l-konnettività tal-Internet madwar is-Sudan, meta t-taqbida għall-poter issa daħlet fit-tieni ġimgħa.
Madankollu, numru ta’ rapporti, illum, anki referew għal pawża momentarja fil-ġlied, fost kalma relattiva f’xi bnadi ta’ Khartoum li għenet ħafna biex il-barranin jitwasslu lejn l-ajruport nazzjonali bħala parti mill-evakwazzjoni.
Fl-aħħar sigħat, il-Gvern tar-Renju Unit qal li kien qed jagħmel minn kollox biex jgħin liċ-ċittadini Britanniċi li baqgħu iżolati fis-Sudan. Dan wara li l-Gvern, fi tmiem il-ġimgħa, ikkonkluda l-evakwazzjoni tad-diplomati tiegħu, flimkien ma’ qrabathom, minn Khartoum.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Andrew Mitchell, li fost oħrajn hu responsabbli mill-politika relatata mal-Commonwealth, qed jikkalkula li fadal xi 4,000 Britanniku fis-Sudan – bl-ammont anki kapaċi jkun akbar.
Sadanittant, il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, James Cleverly, wissa li l-għajnuna għall-Britanniċi fis-Sudan għalissa għandha tkun ferm limitata sakemm il-qawwiet avversarji fil-pajjiż jaslu fi ftehim għal waqfien mill-ġlied. Cleverly kompla li d-deċiżjoni għall-evakwazzjoni tal-istaff mill-Ambaxxata Britannika f’Khartoum ittieħdet minħabba theddid speċifiku u vjolenza diretta lejn id-diplomati fil-kapitali Sudaniża.
//= $special ?>