Il-qraba u ħbieb ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ li tilef ħajtu 5 xhur ilu taħt it-tiġrif ta’ 4 sulari konkos f’Kordin għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja miegħu.
Minkejja li l-fatt seħħ f’Diċembru – il-persuni ħatja ta’ negliġenza li waslet għal mewta traġika taż-żagħżugħ għadhom qed jiġru barra bir-riskju li saħansitra anke jaħarbu barra minn Malta.
Dan minkejja li l-Pulizija jistgħu jmexxu bil-proċeduri fil-konfront ta’ dawn il-persuni anke jekk l-inkjesta maġisterjali tkun għadha ma ġietx konkluża.
It-Tnejn waranofsinhar il-ħbieb ta’ Jean Paul Sofia weħlu liżar faċċata tal-Parlament Malti jsejħu sabiex issir ġustizzja – iżda ironikament…minkejja li dawk allegatament ħatja għadhom ma nġabrux mill-Pulizija…….min dendel il-banner bil-kitba Justice for Jean Paul Sofia…nġabar mill-uffiċjali minnufih.
Bħal kwalunkwè kriminal, żagħżugħ li huwa ħabib ta’ Jean Paul saritlu tfittxija fuqu fi Triq ir-Repubblika fejn sussegwentament ittieħed l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt għal aktar stħarriġ.
Dan filwaqt li nbdielu interrogatorju allegatament mingħajr il-preżenza ta’ avukat – li malli waslet l-għajnuna legali ż-żagħżugħ inħeles bil-Pulizija jispjegaw li ġie arrestat fuq bażi ta’ rapport falz.
Xhieda fil-post saħqu kif qed ngħixu f’pajjiż surreali hekk kif persuni li bl-aġir tagħhom wasalna għal mewt ta’ żagħżugħ għadhom ma nġabrux mill-Pulizija … filwaqt li żagħżugħ ieħor li qed isejjaħ għal ġustizzja favur ħabib tiegħu…ttieħed taħt il-kustodja tal-Pulizija.
Intant l-appell tal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia jibqa’ wieħed; biex il-Prim Ministru jiftaħ inkjesta pubblika bil-għan li l-ebda omm ma’ terġa’ tgħaddi mid-dulur li għaddejja omm dan iż-żagħżugħ…bil-għan li traġedja bħal din tiġi evitata.
Iżda kollox qed jindika li Robert Abela se jibqa jagħlaq għajnejh u jinjora dawn l-appelli.
