Lokali Qorti

Każ fuq importazzjoni ta’ kaktus miċ-Ċina jrid jinstema’ mill-ġdid

Il-Qorti tal-Appell Kriminali reġgħet bagħtet lura l-atti kollha tal-każ lill-Qorti tal-Maġistrati fuq dak li hija sejħet nuqqasijiet fil-konfront ta’ raġel ta’ 38 sena akkużat li mporta tip ta’ kaktus miċ-Ċina mingħajr il-permessi meħtieġa tal-awtoritajiet u oġġetti maħduma mill-avorju tal-iljunfanti. L-importazzjoni ta’ dawn l-oġġedt f’Malta hija waħda llegali.

Steve Bianchi kien mixli li fis-7 ta’ Frar 2012, fl-uffiċini tal-Maltapost fil-Marsa, importa l-Cactaceae miċ-Ċina bi ksur tar-regolamenti dwar il-kummerċ ta’ fawna u flora. Kienet saret ukoll talba minn naħa tad-Direttur Ġenerali tad-Dwana li xlieh ukoll li importa mill-Istati Uniti diversi oġġetti maħduma mill-avorju fosthom ġojjellerija, ċurkett, ġiżirana u statwa.

Fil-21 ta’ Marzu 2018 il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberatu mill-akkużi relatati mal-importazzjoni tal-kaktus imma sabitu ħati li importa oġġetti maħduma mill-avorju u mmultatu €600. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza għax qal li Bianchi kellu jinstab ħati wkoll tal-akkużi relatati mal-importazzjoni tal-kaktus waqt li argumenta li la nstab ħati li importa oġġetti tal-avorju dawn kellhom ikunu wkoll konfiskati.

L-Imħallef Neville Camilleri, li sema’ l-appell, qal li fl-ewwel sentenza l-Qorti tal-Maġistrati kien hemm diversi nuqqasijiet fosthom diskrepanzi dwar kemm tressqu xhieda, nuqqas ta’ ċarezza jekk id-difiża għalqitx il-provi tagħha jew le u anke għax f’ebda ħin ma ddikjarat ta’ x’hiex kienet qed issib lill-akkużat ħati. Għal dawn ir-raġunijiet huwa ħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u ordna li l-atti jerġgħu jintbagħtu quddiemha biex terġa’ tiddeċiedi l-każ.