Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ 10 xhur ħabs wara li qabbad iċ-ċella tiegħu

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ priġunier Libjan li sentejn ilu għamel ħsara fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-każ kien seħħ fil-25 ta’ Frar 2021 meta l-priġunier, li kien f’ċella f’diviżjoni 13 u ta n-nar biex jipprova jieħu ħajtu b’idejh. Iċ-ċella kienet ingħatat in-nar fil-5.20pm.

Hu kien ġie akkużat li għamel ħsara fiċ-ċella li l-valur jaqbeż il-€250 imma ma ta’ mnux aktar minn €2,500. Sena wara, hu ammetta l-ħtija tiegħu u nstab ħati u ġie kkundannat għal 10 xhur ħabs, iżda ma kienx qabel mal-piena mogħtija. Il-priġunier Walid Ben Muftah kien sostna li l-uffiċjali tal-ħabs sawtuh u kisrulu mnieħru u anke rrifjutaw li jagħtuh għajnuna medika.

Fir-rikors tiegħu, l-avukat tiegħu kien għamel talba biex is-sentenza tiġi revokata għax diġà kien ngħata kastig separat fil-ħabs meta ttieħed 10 ijiem mir-remission (nuqqas mis-sentenza ta’ ħabs) tiegħu, kellu jħallas €935 minħabba l-ħsarat u għat tliet xhur u nofs intbagħat f’ċella li fiha kien magħluq għal 23 siegħa kuljum.

L-avukat qal ukoll li t-tnaqqis mir-remission u r-reklużjoni li għadda minnha l-priġunier kienu proċeduri ta’ natura kriminali peress li ngħata sentenza ta’ ħabs u li priġunier ma jistax jerġa’ jiġi akkużat b’reati jekk diġà kien instab ħati jew mhux ħati tagħhom.

Semma’ wkoll li t-23 siegħa kuljum fiċ-ċella kienet iżjed milli permissibbli skont il-liġi ta’ Malta dwar il-ħabs. Rigward il-ħlas għall-ħsara fiċ-ċella u l-fatt li l-priġunier ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, l-avukat irrimarka li kieku l-priġunier kien ingħata aċċess għall-avukat tiegħu, kien ikun f’pożizzjoni li jgħid lill-Pulizija li kien qabbad iċ-ċella għax ried ineħħi ħajtu b’idejh.

Il-Qorti tal-Appell iżda ma qablitx ma’ dawn l-argumenti fosthom li r-reklużjoni fiċ-ċella kienet piena kriminali u mhux dixxiplinarja u rreferiet għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet Umani li tgħid li, jekk ir-reklużjoni ma twassalx biex tiżdied il-piena fil-ħabs, ma tistax titqies li ħadet mil-libertà tal-priġunier. B’hekk, ir-reklużjoni fiċ-ċella qed jitqies bħala proċedura dixxiplinarja u mhux kriminali.

Semmiet ukoll li t-tnaqqis mir-remission tal-priġunier qed jitqies bħala proċedura dixxiplinarja u mhux kriminali. Hi qalet li l-ħlas tal-ħsarat hija kwistjoni ta’ natura ċivili u li meta ammetta l-ħtija tiegħu fil-Qorti, hu kien qed jiġi assistit minn avukat.