Lokali

“Liġijiet waħedhom mhumiex biżżejjed jekk ma jkunx hemm l-infurzar u jekk ma japplikawx għal kulħadd” – Bernard Grech

”Tajjeb li jkollna liġijiet kemm jista’ jkun tajbin. Imma l-liġijiet waħedhom mhux biżżejjed. Irid ikollna magħhom istituzzjonijiet u awtoritajiet li jaħdmu, fost kollox biex jipprevjenu li jkun hemm kollass ta’ binja, biex jevitaw it-traġedji, biex jaraw li r-residenti qrib is-sit ta’ kostruzzjoni jkunu sikuri u rashom mistrieħa.”

Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech it-Tnejn wara nofsinhar fil-Parlament.

Waqt l-intervent tiegħu b’rabta mal-abbozz ta’ liġi biex jemenda liġijiet varji dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, Bernard Grech qal li hemm affarijiet pożittivi f’dak li qed ikun propost, imma jekk isiru l-liġijiet, tajbin kemm ikunu tajbin, u mbagħad ma jkunux infurzati, ikun inutli. “Jekk isiru liġijiet u mbagħad ikunu jgħoddu għaż-żgħir għax il-kbir, is-sinjur, il-kriminal, jibqa’ jagħmel li jrid għax jaf li hu protett minn xi ħadd f’din il-kamra, ikun inutli.”

Hu qal li l-ħajja tiswa żgur iktar minn kull blokka bini, iktar minn kull appartament lussuż jew torri għoli, għax il-ħajja ma tista’ qatt iġġibha lura. 

Għalhekk, kompla jgħid Bernard Grech, meta Isabelle Bonnici ltaqgħet magħna d-deputati kollha u talbitna bil-ħniena biex nappoġġjawha biex issir inkjesta pubblika li toħroġ il-verità sħiħa dwar il-mewt ta’ binhau biex ma jkollna qatt aktar traġedji bħal dik li misset lilha, aħna appoġġjajnieha. 

“Imma hu tal-mistħija li n-naħa tal-Gvern qed tipprova tippolitiċizza traġedja bħal din. Trid tkun qalbek tal-azzar biex ma tħossx il-ħtieġa bħala Malti, bħala uman, bħala ġenitur, li tisma’ l-karba ħierġa mill-qalb ta’ dik l-omm. Aħna nappoġġjawha, għax aħna ma rridu lill-ebda omm oħra tgħaddi mid-dulur li għaddiet u għadha għaddejja minnu Isabelle Bonnici.”

Il-Kap tal-PN kompla jgħid li meta jara l-aħbar li l-Indis qed titlob lura l-proprjetà fejn iġġarrfet il-binja, iħoss indikazzjoni ċara li hemm affarijiet oħra ħżiena li għad irridu niskopru. Għax jekk le, għaliex qed tintalab lura dik l-art?

Bernard Grech għamel referenza għal dak li kien għadu kemm seħħ barra l-Parlament meta żagħżugħ ħabib ta’ Jean Paul Sofia għax dendel banner faċċata tal-Parlament b’messaġġ favur ġustizzja għal Jean Paul, ġew il-Pulizija għalih biex jinterrogawh. “Dan hu li qed tagħmel il-Pulizija llum… tħalli lil min hu responsabbli mill-mewta traġika ta’ żagħżugħ jiġri barra u tmur tarresta ġuvni li xtaq iwassal messaġġ pożittiv favur vittma innoċenti.”