It-tim Malti tar-relay tan-nisa 4×100 kompla juri l-potenzjal tiegħu meta ftit ġimgħat qabel il-GSSE kiser ir-rekord nazzjonali fl-Istadium tall-Marsa hekk kif Thea Coleiro Parnis, Janet Richard, Carla Scicluna u Charlotte Wingfield irreġistraw ħin ta’ 45.37s, u tejjbu l-prestazzjoni li t-Tim Malti kien kiseb is-sena li għaddiet fil-Logħob tal-Commonwealth li kienu saru f’Birmingham.
It-tim tan-nisa tar-relay kien qed itellaq kontra San Marino waqt tellieqa li saret waqt ir-raba’ Challenge Meeting ta’ Athletics Malta għal dan l-istaġun. Ironikament l-unika atleta li kienet nieqsa mit-tim li kiseb ir-rekord f’Birmingham kienet Claire Azzopardi, li propju fl-istess ġunata kisbet rekord nazzjonali għaliha nfisha fit-triple jump. Hija kellha riżultat prestiġjuż ta’ 13.04m, b’Rebecca Sare’ ttemm it-tieni b’12.83m.
L-isprints tal-200m tal-irġiel u tan-nisa kienu sfidi verament eċitanti. It-tellieqa tal-irġiel fissret xogħol addizzjonali għall-uffiċjali responsabbli mill-photofinish fit-trakka tal-Marsa meta kemm Graham Pellegrini kif ukoll Beppe Grillo waqqfu l-arloġġ uffiċjali f’21.17s, b’tal-ewwel jieħu l-ewwel b’0.003 ta’ sekonda (21.172 vs 21.175s). Dan ir-riżultat fisser ukoll li Pellegrini rreġistra rekord nazzjonali Under 23 u Under 20. Fit-tellieqa tan-nisa, kienet taqtigħa sabiħa u veloċi bejn Janet Richard u Carla Scicluna b’tal-ewwel tirbaħ b’23.91s kontra t-23.98s ta’ Scicluna.
Fil-100m Grillo kiseb l-aqwa ħin fost il-Maltin, b’10.59s li madankollu kellu riħ favur aktar milli permissibbli.
Riżultati tajbin anke fl-400m fejn l-atleta Under 18 Kay Testa rebħet b’ 57.98s quddiem Josepha Marie Micallef f’59.60s. Iż-żagħżugħa Mireya Bugeja kkonfermat it-titjib u konsistenza tagħha meta rebħet b’4:43.97 fil-1500m.
L-itwal distanza l-Marsa kienet tellieqa spettakolari fuq 5000m fejn ikkompetew tlieta mill-aqwa atleti fuq din id-distanza. Filfatt, forsi pjuttost b’sorpriża Simon Spiteri għeleb lil Dillon Cassar u Luke Micalef f’ħin ta’ 14’34 li huwa l-aqwa ħin qatt reġisrat minn atleta bbażat Malta fuq din id-distanza.
Gabriel Farrugia temm it-tellieqa f’15’09, hekk kif kompla jqaċċat iktar sekondi mir-rekord nazzjonali tal-Under 20.
Fost l-atleti Maltin li ġrew barra minn pajjiżna, Gina Mcnamara kisbet rekord nazzjonali fil-1500m fil-Virginia Challenge f’Charlottesville b’ħin ta’ 4:24.13 biex tejbet ir-rekord li kellha Paula Grech b’ 4:26.12 li kien ilu hemm minn Ġunju 2019. Jeremy Zammit kiseb unur ieħor prestiġjuż b’rebħa fil-Crimson Tide Invitational f’Tuscaloosa fl-Istati Uniti b’qabża ta’ 7.44m.
//= $special ?>