Futbol Sport

Serie A: Rebħa drammatika għal Napoli

(Ritratt: EPA)

Napoli kisbu rebħa drammatika fl-aħħar ħinijiet kontra Juventus f’logħba mill-iktar missielta.

L-ewwel taqsima kienet ferm u bilanċjata b’Juventus juru l-aħjar ideat.
Wara l-intervall kienu Napoli li ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom iżda fit-83 minuta f’azzjoni veloċi ta’ kontrattakk kien Di Maria li daħal bħala sostitut li skorja għal Juventus.
Iżda wara l-protesti tal-plejers ta’ Napoli u wara konsultazzjoni mal-VAR dan il-gowl ta’ Di Maria ma kienx konvalidat minnħabba dak li kien ġudikat foul favur Napoli qabel bdiet l-azzjoni ta’ kontrattakk.
L-emozzjonijiet ma waqfux hawn għaliex fit-93 minuta kienu Napoli li skorjaw il-gowl rebbieħ meta minn kross mil-lemin ta’ Elmas kien is-sostitut Raspadori li b’xutt mill-ewwel għeleb lill-goalkeeper ta’ Juventus.

Iż-żewġ timijiet ta’ Milan irritornaw għar-rebħ anki fis-Serie A wara s-suċċessi li kellhom fil-UEFA Champions League.
Fi Stadio Carlo Castellani, Inter kisbu rebħa ta’ 3-0 kontra Empoli, rebħa li waslet wara l-intervall wara taqsima mingħajr gowls.
L-eroj ta’ Inter kien Romelu Lukaku li skorja doppjetta u kellu wkoll sehem fit-tielet li kien skorjat minn Lautaro Martinez.

Iċ-champions Milan ukoll irritornaw għar-rebħ f’San Siro fil-kampjonat meta għelbu lil Lecce 2-0 b’gowl f’kull taqsima.
Għar-Rossoneri l-eroj kien Rafael Leao li skorja ż-żewġ gowls, l-ewwel wieħed b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner, u ttieni wieħed minn azzjoni personali tipika tal-istilla Portugiż.

Fil-logħbiet l-oħra Monza kisbu rebħa mpressjonanti meta dawwru telfa f’rebħa ta’ 3-2 kontra Fiorentina.
Il-Vjola kellhom bidu mill-aqwa fejn skorjaw darbtejn fl-ewwel 13-il minuta fejn kien Kouame li fetaħ l-iskor u Saponara għamilhom tnejn.
Fis-26 minuta awtogowl ta’ Biraghi daħħal lil Monza fil-logħba u fit-43 minuta Dany Mota kiseb id-draw.
Il-gowl tar-rebħa ta’ Monza wasal fid-59 minuta minn azzjoni ta’ penalty fejn kien Pessina li skorja mill-11-il metru.

Udinese kellhom rebħa faċli kontra Cremonese, rebħa li waslet bi tliet gowls f’36 minuta.
Samardzic fetaħ l-iskor fit-tieni minuta, u Perez għalihom tnejn fis-27 minuta. Udinese għalqu l-logħba bit-tielet gowl ta’ Success fis-36 minuta.

Riżultati:
Empoli 0-3 Inter
Monza 3-2 Fiorentina
Udinese 3-0 Cremonese
Milan 2-0 Lecce
Juventus 0-1 Napoli

Illum:
20:45 Atalanta v Roma