Lokali

Studju juri li iktar minn nofs it-tfal jesperjenzaw vjolenza domestika

79% tat-tfal ma jirraportawx xi tip ta' vjolenza

Studju li sar fl-aħħar xhur juri li iktar minn nofs it-tfal qed jesperjenzaw xi forma ta’ vjolenza domestika, bil-maġġoranza tagħhom ma jirraportawx dan lill-awtoritajiet.

Dan l-istudju, li twieġeb minn 433 parteċipant li kellhom bejn it-18 u l-24 sena, juri kif 61.4% tal-parteċipanti esperjenzaw maltrattament matul it-tfulija tagħhom, bil-maġġoranza esperjenzaw maltrattament psikoloġiku jew emozzjonali (45%) filwaqt li 43% esperjenzaw abbuż fiżiku jew sesswali.

Xi ħaġa xokkanti li ħareġ minn dan l-istudju hu l-fatt li 89.6% tal-parteċipanti soffrew minn tal-anqas abbuż wieħed – li jfisser li kważi 9 minn kull 10 persuni esperjenzaw xi forma ta’ abbuż.

Dan filwaqt li 52% raw xi forma ta’ vjolenza domestika sseħħ quddiem għajnejhom filwaqt li 54.3% esperjenzaw vjolenza fil-familja.

61.4% tal-parteċipanti esperjenzaw maltrattament matul tfulithom

L-istess studju, bl-isem ta’ ‘Safety Childhood: A prevalence Study of Childhood Abuse Experiences in Malta’, wera kif nofs il-parteċipanti wieġbu li kien il-missier bijoloġiku jew addottiv li wettaq vjolenza fiżika, filwaqt li fil-maġġoranza kienet il-mara l-vittma ta’ vjolenza fil-familja.

L-iktar abbużi li għamluha fuq nett tal-lista kienu l-vjolenza fiżika fuq oġġetti fid-dar, fosthom it-tkissir jew it-twaddib ta’ oġġetti u vjolenza fuq l-aħwa.

Dan kollu jwassal biex 42.5% tal-parteċipanti li esperjenzaw theddid ta’ vjolenza fiżika fuq xi ġenitur, spiċċaw jew m’attendewx l-iskola jew ma kienux kapaċi jlestu l-homework fil-ħin.

Minn dawk li pparteċipaw, 56.4% għajtu mal-ġenituri biex jieqfu jiġġieldu, 36% ipprovaw iwaqqfuhom b’mod fiżiku, filwaqt li 79.1% qatt ma ċemplu għall-għajnuna meta raw xi abbuż domestiku.