Lokali Qorti

Talba minn Rumen biex piena ta’ tliet snin ħabs jiskontaha Malta

Wara li x-xahar i għadda l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat l-estradizzjoni ta’ Rumen li kien qed jiġi mfittex f’pajjiżu biex jiskonta piena ta’ tliet snin ħabs fuq każ ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti u evażjoni ta’ taxxa. Marcian Viorel Otan, ta’ 50 sena qed jitlob biex jiskonta l-piena f’Malta.

Otan kien tressaq fil-Qorti Maltija wara li fl-2020 l-awtoritajiet Rumeni ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu. Ir-Rumen, li għandu dokument ta’ residenza biex jgħix f’Malta ma jridx imur lura f’pajjiżu. Hu kien ġie arrestat f’Malta u fis-27 ta’ Marzu li għadda fejn wara li tressaq il-Qorti ġie ordnat li jmur lura lejn pajjiżu biex jiskonta s-sentenza.

Il-Qorti tal-Maġistrati tagħtu sebat ijiem ċans skond il-liġi biex jappella kif fil-fatt għamel u talab li jiskonta l-piena f’Malta minflok f’pajjiżu. Ir-raġuni li ta hija għax ilu diversi snin jgħix Malta, għandu l-familja tgħix f’pajjiżna għax il-ħabsijiet fir-Rumanija huma ffullati u l-kundizzjonijiet fihom huma prekarji għall-aħħar.

L-Imħallef Edwina Grima, li semgħet l-appell, ċaħditlu l-appell mis-sentenza ta’ tliet snin ħabs madankollu pposponiet ir-ritorn tiegħu lejn ir-Rumanija sakemm l-awtoritajiet Rumeni u dawk Maltin jiddeċiedu fuq it-talba tiegħu biex jiskonta l-piena f’Malta.

L-Imħallef qalet fis-sentenza tagħha li jekk ma jintlaħaqx qbil bejn l-awtoritajiet Maltin u Rumeni huwa għandu jiġi rritornat pajjiżu imma mhux qabel ma jintemmu l-proċeduri li fetaħ dwar allegat ksur tad-drittijiet tiegħu. Ir-Rumen kien qed jikkontensta proċeduri ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li kien inħareġ fit-3 ta’ Ġunju 2020 minn pajjiżu u kien qed jintalab biex jintbagħat lura pajjiżu mill-Qorti Distrettwali ta’ Parhova, fejn jirriżulta li s-sentenza hija relatata wkoll ma’ offiżi ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi.

F’rikors li kien ġie preżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisidizzjoni Kostituzzjonali tagħha Otan qal li huwa kien appella minn deċiżjoni li ngħatat fil-Qorti tal-Maġistrati fis-27 ta’ Marzu li għadda, liema appella għad li jrid jinstema’. Qed jgħid li dawn il-proċeduri kif ukoll il-proċess li kellu fir-Rumanija qed jiksrilu d-drittijiet Kostituzzjonali tiegħu kif ikkontemplati fl-artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Dittijiet tal-Bniedem u l-artikolu 9 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Għaldaqstant Otan qed jgħid li l-mandat ta’ arrest li sar fil-konfront tiegħu huwa wieħed invalidu u ma kienx garanti id-dritt għas-migħ ġust tiegħu u talab ukoll lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex tirrevoka l-mandat ta’ arrest u tagħtih ir-rimedji kollha neċċessarji. Ir-rikors ġie preżentat mill-Avukati Josè Herrera, Alfred Abela u Matthew Xuereb.