Hamrun Spartans ġew inkurunati Champions tal-Futbol Malti għad-disa’ darba fl-istorja tagħhom fejn fl-aħħar partita huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-0. Lil hinn mill-partita li kienet biss formalità, il-ġurnata tas-Sibt kienet il-festa tal-klabb tal-Ispartans. Minn kmieni wara nofs in-nhar eluf ta’ partitarji rħewlha lejn l-Istadium Nazzjonali sabiex isegwu lit-tim tagħhom fl-aħħar logħba tal-istaġun. Staġun li huma ddominaw il-Kampjonat fejn rebħu b’distakk ta’ xejn anqas minn dsatax-il punt fuq it-tieni tim klassifikat Birkirkara. B’kollox huma kisbu tnejn u għoxrin rebħa, tlett draws u tilfu partita waħda biss ironikament kontra t-tim relegat ta’ Żebbuġ Rangers. Minkejja l-vantaġġ kbir fuq Birkirkara, l-Istripes kien l-aktar tim diffiċli għalihom peress li naqsu li jirbħulhom kemm fil-Kampjonat kif ukoll fl-FA Trophy. Issa Hamrun diġa qed iħarsu lejn objettiv ieħor, dak li jkollhom aktar suċċessi fil-kompetizzjonijiet tal-Ewropa.
Gżira United kisbu post fl-Ewropa hekk kif huma ħadu r-rebħa li riedu biex aċċertaw mit-tielet post fil-klassifika. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għall-Maroons li b’hekk temmew fuq nota pożittiva wara li għaddew minn perjodu diffiċli hekk kif tilfu erba’ logħbiet wara xulxin. Jekk kien hemm tim li ħaqqu jikseb post fl-Ewropa kien bla dubju dak immexxi minn Darren Abdilla fejn huma għamlu kważi l-istaġun kollu fit-tieni post. Kontra Żebbuġ, wara taqsima bla gowls huma fetħu l-kont fil-bidu tat-tieni ħamsa u erbgħin minuta biex minn hemm ‘il quddiem qatt ma’ ħarsu lura. Jefferson De Assis skorja hat trick biex bih spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat Malti b’20 gowl. Ir-Rangers kienu jafu li kienet ħa tkun diffiċli kontra tim li ried jirbaħ u ta’ kwalità aħjar. Biex wara staġun wieħed mal-kbar jerġgħu jirritornaw fiċ-Challenge League.

Hibernians kisbu rebħa konvinċenti bl-iskor ta’ 5-2 kontra Floriana biex temmew l-istaġun fuq nota pożittiva. Minbarra dan huma jkomplu jittamaw li jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropew, dejjem jekk xi ħadd minn Gżira Utd. jew Birkirkara jirbħu t-Trophy u mbagħad jirbħu d-decider kontra Balzan. Sitwazzjoni xi ftit kumplessa iżda għad hemm it-tama. Fil-partita li ntlagħabet fil-Gozo Stadium, il-Pawlisti ħarġu aggressivi fejn ħadu vantaġġ doppju kmieni fil-partita, żewġ gowls skurjati inċidentalment mill-Għawdxi Ferdinando Apap. Minkejja li Floriana, li din il-logħba għalihom kienet bla interess, naqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima, żewġ gowls minn Jake Grech f’temp ta’ sitt minuti lejn is-siegħa logħob għamlu ċert minn rebħa Pawlista. Din il-logħba kienet ripetizzjoni tal-finali tas-Super Cup bejn l-istess timijiet u li saret fl-istess Gozo Stadium f’Diċembru li għadda.
Mosta wkoll spiċċaw fuq in-naħa rebbieħa dan wara li huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba diffiċli għat-tim immexxi minn Joe Grech li mar gowl minn taħt kmieni fil-partita. Iżda lejn tmiem l-ewwel taqsima s-Saints spiċċaw b’għaxar players biex it-tamiet ta’ Mosta li jdawru r-riżultat kibru. U fil-fatt hekk għamlu għax b’żewġ gowls fit-tieni taqsima qalbu l-miżien favur tagħhom. Iżda minkejja din ir-rebħa d-destin ta’ Mosta jinsab biss fil-kompetizzjoni tat-Trophy fejn biex jikkwalifikaw għall-Ewropa jridu jirbħuha. Dan għaliex minkejja li spiċċaw fir-raba’ post b’punti daqs Balzan u Hibernians u saħansitra b’differenza ta’ gowls aħjar, fil-konfronti diretti huma l-agħar fost it-tlett timijiet u għaldaqstant jisfaw eliminati mill-possibilta ta’ play off. Mill-banda l-oħra minkejja li tilfu Santa Lucia xorta għad għandhom ċans li jsalvaw dan hekk kif huma jridu jilagħbu l-play off. Il-punt miksub il-ġimgħa li għaddiet kontra Ħamrun Spartans kien determinanti sabiex huma evitaw ir-relegazzjoni awtomatika.

Ir-revelazzjoni tal-istaġun Balzan spiċċaw l-istaġun bil-kbir dan wara li huma għelbu lir-rivali u ġirien Birkirkara bl-iskor ta’ 2-1. B’hekk huma mhux talli rritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Gżira United iżda jittamaw li jiffaċċjaw lil Hibernians fil-play off għar-raba’ post. Birkirkara daħlu għal din il-partita mingħajr interess partikolari peress li huma kienu garantiti t-tieni post. U b’ħarsithom lejn is-semi-finali ta’ din il-ġimgħa kontra Mosta fil-kompetizzjoni tat-Trophy. Għaldaqstant it-tim immexxi minn Oliver Spiteri kien aktar motivat sabiex jikseb il-punti massimi minn din l-aħħar partita fil-kampjonat. Id-destin ta’ Balzan issa jinsab f’idejn ħaddieħor fosthom l-avversarji Birkirkara. Dan peress li jekk huma jew Gżira jirbħu t-Trophy jiftħulhom tamiet ġodda li wara li l-istaġun li għadda kienu kważi relegati, ikunu fuq il-bieb tal-football Ewropew.

M’Xlokk salvaw partita li dehret mitlufa hekk kif huma kisbu l-gowl tad-draw fl-aħħar minuti tal-partita. Aktar milli l-punt miksub, peress li dan ma’bidel xejn fil-klassifika, għal M’Xlokk l-aktar importanti huwa li jidħlu għas-semi finali tat_Trophy ta’ nhar it-Tlieta kontra Gżira United b’moral għoli. Valletta kellhom l-aktar mill-pussess iżda Marsaxlokk dehru determinati li jiksbu xi ħaġa minn din il-partita. Għaldaqstant riżultat ta’ draw kien l-aktar wieħed ġust. B’din il-logħba ġie fi tmiemu staġun diżappuntanti għal Valletta li spiċċaw f’nofs il-klassifika fejn sofrew xejn anqas minn seba’ telfiet filwaqt li sfaw miżmuma fi draw f’għaxar logħbiet oħra. Żgur li wieħed stenna aktar mill-Beltin iżda jidher li dan huwa mument ta’ transizzjoni fejn bil-mod il-mod qed jinbena tim għall-futur.
Draw ta’ mingħajr gowls bejn Sirens u Pieta f’logħba oħra bla storja u li ftit li xejn offriet. L-aħjar ċansijiet tal-partita waslu għand Sirens iżda xorta waħda ż-żewġ naħat kienu neqsin mill-kreattivita. Dan minkejja li l-kowċ tat-tim minn San Pawl il-Baħar beda bl-aħjar formazzjoni possibbli. Mill-banda l-oħra spiċċat l-avventura ta’ Pieta fil-kampjonat Premier. Din id-darba damet biss staġun wieħed, iżda żgur li l-esperjenza li ħadu l-players żgħażagħ tagħhom ser tiswa ħafna għall-futur kemm għalihom personali kif ukoll għal dan il-klabb modest iżda b’qalb kbira.
INNUTAJNA
LI fil-ġurnata taċ-ċelebrazzjoni ta’ Hamrun, diġa kellna konferma li huma ser ineħħu lill-kowċ Nisevic kif ukoll lil Dodo Soares. Jidher li minkejja li l-identità tal-kowċ s’issa mhux magħrufa, n-nazzjonalita tiegħu ser tkun waħda Taljana.
LI Ħamrun kellhom organizazzjoni eċċellenti qabel il-partita u anki għal waqt il-preżentazzjoni tat-trofew tar-rebħ tal-Kampjonat. Jidher ċar li dan il-klabb qed jitmexxa b’mod professjonali anki mill-amministrazzjoni fejn taw konferma u kien ta’ eżempju ta’ kif għandu jkun set up anki f’ċirkostanzi bħal dawn. Prosit Hamrun.
LI l-kowċ ta’ Birkirkara Giovanni Tedesco estenda l-kuntratt tiegħu mal-Istripes għal staġun ieħor. Huwa ċar li Tedesco wettaq bidliet kbar fit-tim Karkariż fejn dawn spiċċaw fit-tieni post tal-Kampjonat Premier u ikkwalifikaw għall-Ewropa.
//= $special ?>