Lokali

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni mhux jagħti direzzjoni – PN

Fi stqarrija li nħarget mid-deputat Nazzjonalista Justin Schembri, l-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja, ntqal li l-Partit Nazzjonalista jinnota l-aħħar tilwima industrijali min-naħa tal-Union tal-Għalliema (MUT) fil-konfront tal-Ministeru tal-Edukazzjoni b’relazzjoni mas-sessjonijiet ta’ taħriġ għall-edukaturi, imsejħa COPE, ippjanati għall-ġimgħat li ġejjin.

L-MUT qed tiddikjara li l-Uffiċjali Edukattivi (EOs) u l-Kapijiet tad-Dipartiment (HoDs) m’għandhomx biżżejjed informazzjoni loġistika u kurrikulari x’jgħaddu lill-edukaturi waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ għax mhux ikunu aġġornati dwar il-bidliet li qed ikunu implimentati.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li hu ta’ dispjaċir li l-qasam edukattiv hu mtappan minn serje ta’ inċertezzi u min-nuqqas ta’ direzzjoni, tant li minħabba f’hekk, sal-lum hemm dubji serji dwar jekk il-Ministeru hux f’pożizzjoni li jagħti direzzjoni dwar id-deċiżjonijiet kurrikulari, is-sillabi, l-eżamijiet, il-Learning Outcomes u s-Subject Based Assessments.

Jidher biċ-ċar li d-Dipartiment tal-Kurrikulu mhux ippreparat biżżejjed biex jagħti d-direzzjoni li hemm bżonn, jekk għandu, biex l-edukaturi jkunu infurmati u mogħtija t-taħriġ meħtieġ dwar il-bidliet li jridu jimplimentaw fil-klassijiet.
Dan in-nuqqas qiegħed, effettivament, iżomm is-sistema edukattiva milli tavvanza u taġġorna, ladarba l-MUT qed tagħti direttivi lill-gradi kollha biex ma jagħmlu l-ebda xogħol relatat mas-sessjonijiet COPE għax il-Gvern qed jinjora għalkollox it-talbiet tagħha biex ikunu kkjarifikati d-dubji u l-mistoqsijiet.

B’hekk, se jkompli jiġi mxekkel il-progress relatat mas-sillabi l-ġodda li ġew adottati din is-sena u li għadhom qed ikunu riveduti, minkejja li bdew jiġu mgħallma f’din is-sena skolastika attwali.

Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora u jiddikjara li ma jistax jaċċetta li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jonqos kontinwament mir-responsabbiltà tiegħu li jagħti d-direzzjoni u jimplimenta l-viżjoni li hemm bżonn, b’mod immedjat, u jħalli lill-edukaturi u l-istudenti f’inċertezzi kbar u b’konsegwenzi irreparabbli.

Dan saħansitra qed jkompli jiddemotiva lill-edukaturi u jistressja lill-istudenti li jinsabu fis-snin li fihom qed isiru l-bidliet kurrikulari. Hu ironiku li l-Gvern jitkellem dwar il-viżjoni fl-edukazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika meta hu evidenti li la għandu viżjoni u lanqas konsultazzjoni.