Lokali

IL-PROĠETT TAL-GĦADIRA: “Ma kienx hemm diffikultajiet”

Infrastructure Malta qed tgħid li l-proġett tat-triq il-ġdida fl-Għadira, li se joħloq karreġjata waħda fid-direzzjoni miċ-Ċirkewwa lejn il-Mellieħa, għandu jitlesta sal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju.

Fi preżentazzjoni lill-ġurnalisti dwar dan il-proġett li issa ilu għaddej kważi sena u nofs, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon qal li x-xogħol fuq iż-żewġ karreġġjati fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa issa tlesta. U fadal biss in-naħa tal-bajja, fejn se tinħoloq lane waħda.

Il-proġett kien affetwa ħażin ħafna lil dawk kollha li tul is-Sajf li għadda qasmu lejn Għawdex. Dan apparti li ħarbat ukoll it-traġitti lejn il-gżira Għawdxija anke waqt il-vaganzi tal-Milied u l-ewwel tas-sena.

Iżda fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, waqt ix-xogħol ma kien hemm ebda diffikultajiet.

Dan il-proġett ġibed lejh kritika enormi mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex illi qalet li ma tistax tifhem għaliex l-unika karreġġjata li tgħaqqad lil Għawdex man-nofsinhar ta’ Malta se jkollha biss karreġjata waħda. L-Assoċjazzjoni appellat lill-awtoritajiet involuti biex jikkunsidraw l-impatt tat-traffiku li se tikkawża din it-triq b’karreġġjata waħda.

Għalkemm Ivan Falzon qalilna li din il-pożizzjoni tal-GTA hija ibbażata biss fuq “miżinformazzjoni”.

Intant, minkejja li Ivan Falzon stqarr li sa Ġunju, il-proġett se jkun lest….ammetta huwa stess illi hemm xogħol li se jitkompla wara l-istaġun tas-Sajf. U allura, fi kliem sempliċi, irridu nistennew sal-aħħar tas-sena biex kollox ikun konkluż.