F’Khartoum għadha tirrenja t-tensjoni minkejja li l-Armata Sudaniża laħqet ftehim kawt għal waqfien mill-ġlied mal-milizzji ta’ fergħa paramilitari li ilhom aktar minn ġimgħa jiġġieldu għall-poter fis-Sudan.
Il-ftehim daħal fis-seħħ tard fil-lejl tat-Tlieta wara 48 siegħa ta’ negozjati u għalkemm iċ-ċivili qed joħorġu mill-ġdid fit-toroq, komplew jimstemgħu l-isparar u xi splużjonijiet miz-zoni lejn il-periferiji tal-kapitali.
Il-waqfien tal-battalji – li xorta mistennija jissuktaw minn ħin għall-ieħor – kien possibbli wara diversi tentattivi diplomatiċi biex iċ-ċivili jingħataw ftit tan-nifs waqt kriżi umana li qed tħasseb lid-dinja.
Il-battalji li bdew fil-15 ta’ April kienu jinvolvu t-truppi tal-Armata tal-Ġeneral Abdel Fattah al-Burhan — li anki ilu jmexxi l-pajjiż miż-żmenijiet tal-klop ta’ stat, fl-2021—u l-Viċi-Mexxej Sudaniż u Kap tal-paramilitari tal-RSF, Mohamed Hamdan Dagalo, magħruf ukoll bħala Hemedti.
Fl-aħħar sigħat, l-ajruplani tal-gwerra xorta kienu qed itiru minn fuq Khartoum u diversi residenti li kellmu lill-media qalu li ma kenux qed iħossuhom sikuri peress li xorta waħda baqgħet tinħass l-arja ta’ gwerra fil-kapitali.
L-aħħar statistika qed tindika li nqatlu aktar minn 500 fil-ġlied tal-aħħar jiem, biċ-ċifra x’aktarx li hi ħafna ogħla minn hekk. Fl-istess ħin, l-osservaturi tal-Unjoni Afrikana u l-Lega Arbija (li qed jippruvaw iwasslu għall-paċi konkreta fis-Sudan) mhumiex ċerti dwar kif is-sitwazzjoni tista’ tiżvolġi — anki jekk l-Armata ta’ al-Burhan u l-paramilitari tal-RSF it-tnejn impenjaw ruħhom biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied.
Ir-residenti ta’ Khartoum kienu kostretti li jibqgħu fi djarhom tul l-aħħar jiem tal-ġlied u fejn batew bil-kbir min-nuqqas tal-ikel, l-ilma u ħteġiet oħra bażiċi. Dan waqt li l-bumbardamenti ( waqt il-battalji) laqtu diversi faċilitajiet imporanti, inklużi l-pajpijiet tal-ilma u l-istallazzjonijiet għall-provvista tal-enerġija.
Fl-aħħar jiem, numru ta’ pajjiżi organizzaw l-evakwazzjonijiet urġenti taċ-ċittadini u diplomati mill-kapitali Sudaniża anki waqt li komplew il-battalji fiz-zoni ċentrali tal-kapitali mimlijin bid-djar tar-residenti. Intant, hemm tamiet li l-ftehim attwali gaħll-waqfien mill-ġlied jippermetti biex aktar ċivili jitilqu mill-periklu ta’ Khartoum.
.
//= $special ?>