It-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena tal-Water Polo rebaħ l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu, organizzata mill-Għaqda Ġurnalisti Sports. Din hija l-ħames darba li dan l-unur qed jingħata lil tim minflok atleta individwali u r-raba’ darba lil tim nazzjonali tal-water polo.
It-tim nazzjonali tal-water polo ta’ taħt is-17-il sena ikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat tal-Ewropa li se jsir bejn it-8 u l-15 ta’ Awwissu f’Manisa fit-Turkija, wara li rebaħ il-partiti kollha ta’ Grupp D ta’ Kwalifikazzjoni. It-tim Malti għeleb lil Latvja 34-3 , lill-Polonja 15-13, lis-Slovakkja 12-5 u lir-Renju Unit 15-5.
Din se tkun it-tieni darba li t-tim Nazzjonali Malti tal-U17 ikkwalifika għall-dawn il-kampjonati.
It-tim Malti huwa mmexxi mill-kowċ Montenegrin Milan Cirovic u l-assistent tiegħu Anthony Farrugia filwaqt li Jayden Cutajar kien il-captain tat-tim. It-trofew flimkien ma’ tifkira kienu preżentati lill-plejers tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena minn Matthew von Brockdorff, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance flimkien ma’ Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali u Stephen Azzopardi Amministratur tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Karl Izzo l-President tal-Aquatic Sports Association of Malta.
//= $special ?>