Internazzjonali

It-Turkija: Għexieren ta’ arresti li jistgħu huma konnessi mal-elezzjonijiet ta’ Mejju

Il-Pulizija Torok wettqu diversi rejds li fihom arrestaw mal-130 persuna suspettati dwar konnessjoni mal-grupp PKK tal-Kurdi militanti li hu entità illegali fit-Turkija. L-arresti qed jidhru ‘relatati’ mal-elezzjoni Presidenzjali tax-xahar id-dieħel li se tkun l-aktar sinifikanti għal snin minħabba l-potenzjal kbir li l-poplu jwarrab lill-President attwali, Recep Tayip Erdogan, mill-poter.

Il-media Torka qalet li l-arrestati f’21 provinċja tal-pajjiż huma suspettati dwar l-iffinanzjar u reklutaġġ ta’ militanti mal-PKK – b’dawn is-suspettati jinkludu avukati, ġurnalisti u politiċi. Iżda l-partit HDP, li qed jiġġieled għall-interessi tal-Kurdi, insista li l-arresti saru ‘bil-ħsieb speċifiku’  li jaffettwaw il-vot tal-14 ta’ Mejju għall-Presidenza u l-Parlament tat-Turkija.

Kelliema għall-HDP qalu li l-arrestati jinkludu avukati li jistgħu janalizzaw is-sigurtà madwar l-elezzjoni u ġurnalisti indipendenti li kapaċi jiżvelaw frodi u maniplazzjoni waqt il-poter. Dan meta l-pulizija fl-aħħar sigħat arrestaw ukoll numru ta’ campaign managers tal-Oppożizzjoni Torka.

Il-media tal-Gvern Tork sostniet li wħud mill-arrestati fir-rejds x’aktarx li, fost oħrajn, organizzaw l-għexieren tal-protesti fit-toroq ( kontra l-Gvern) u skont id-direttivi ta’ prosekuturi fil-belt ta’ Diyarbakir, fejn il-maġġoranza tar-residenti huma Kurdi.

L-HDP — it-tieni l-akbar partit tal-Oppożizzjoni fit-Turkija — qed jiċħad għal konnessjoni mal-PKK,  iżda eluf tal-membri tiegħu xorta waħda spiċċaw il-ħabs, inkluż l-eks Kap tal-partit,  Selahattin Demirtas.