Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel – FINALI: Starlites Fijo rebħa ‘l bogħod mir-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: Stephen Cristopher Vella)

Colin Schembri

Starlites FIJO…………………………………105

Mellieħa Libertas Spalding…………..95

(30-27)(22-20)(31-26)(22-22)

Starlites Fijo ħadu t-tieni rebħa fis-serje finali tal-kampjonat Bank of Valletta biex issa jinsabu biss rebħa ‘l bogħod mir-rebħ tal-kampjonat għal dan l-istaġun. It-team ta’ Mellieħa qiegħed ikollhom waqtiet imħallta fil-parita fejn f’mumenti jibdew jagħġġlu fil-logħba tagħhom u jsofru l-fast break tal-avversarj għalkemm bla dubju jħossu n-nuqqas tal-Amerikan Connor Zinaich. Starlites qiegħdin juru logħob sabiħ f’xi waqtiet ukoll ta’ spettaklu għall-pubbliku preżenti. Nota negattiva f’din il-partita kienet l-injury li sofra Matthew Scerri u minn hawn nawgurawlu ritorn aktar b’saħħtu fil-futur qrib. L-Amerikani ta’ Starlites kellhom sehem qawwi f’din ir-rebħa hekk kif għamlu xejn anqas minn 84 punt bejniethom mill-105 finali. Il-partita bdiet bi Starlites jieħdu l-ewwel vantaġġ ta’ 6-0 bil-punti ta’ Zekiah Owens u Darius George. Mellieħa rkupraw bil-punti ta’ Vukassin Jandric u Sebastien Valencia biex għal tlett darbiet irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs. Mellieħa kellhom ukoll run ta’ 10-2 b’żewġ trippli ta’ Nikola Jovanovic biex marru minn fuq. Jacob Bates wieġeb għal Starlites b’seba’ punti mingħajr risposta biex Starlites temmew l-ewwel taqsima 30-27 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Mellieħa reġgħu marru minn fuq wara three pointers minn Robert Bonnicu u l-punti ta’ David Bugeja. Starlites irkupraw bil-punti ta’ Owens qabel ma Jandric b’sensiela ta’ punti reġa’ poġġa lil Mellieħa minn fuq għall-aħħar darba. Starlites komplew b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ George biex daħlu jistrieħu 52-47 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm mument ieħor tajjeb miż-żewġ timijiet li bdew jirrispondu lil xulxin bi three pointer wara l-ieħor fosthom minn Bonnici għal Mellieħa u George u Ian Felice Pace għal Starlites li fetħu vantaġġ ta’ 17 -il punt 78-61. Hawn Mellieħa għamlu sforz ieħor u  għaqqdu break ta’ 11-2 bi trippla ta’ Isaac Bonett u l-punti ta’ Bugeja biex waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod 72-75. Starlites kellhom aktar punti minn Bates fosthom trippla biex temmew il-perjodu 83-73 minn fuq. Mellieħa fetħu l-aħħar taqsima bi trippla oħra minn Jandric però Starlites komplew bi break ieħor ta’ 11-0 . L-aħħar sforz ta’ Mellieħa ġie bil-punti ta’ Valencia u trippla ta’ Bonnici però dawn ma kienux biżżejjed hekk kif Starlites ikkontrollaw l-aħħar ħinijiet u ħarġu rebbieħa 105-95. It-tielet partita tintlagħab il-Ħamis li ġej fit-20:15 u rebħa għat-team ta’ Pawlu Ferranta tatijom il-kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 8, Z. Owens 26, M. Attard 2, J. Bates 31, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri, R. Carabott 2, K. Xuereb 4, N. Sultana, D. George 27.

Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon, D. Bugeja 10, R. Bonnici 16, V. Jandric 27, I. Bonett 5, N. Bukva 10, N. Jovanovic 8, M. Formosa, O. Said, S. Valencia 19.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Nicky Azzopardi