Lokali Parlament

Keith Schembri ma jridx ikompli jixhed quddiem il-PAC qabel tintemm investigazzjoni mill-Pulizija; ma jweġibx dwar Egrant

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Keith Schembri, l-ex Chief of Staff tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat, ma jridx ikompli jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi dwar il-kuntratt tal-power station tal-Electrogas qabel tintemm investigazzjoni tal-pulizija.

Dan jirriżulta minn dak li qed iseħħ bħalissa quddiem il-PAC fejn llum suppost li kellu jkompli jixhed Keith Schembri. Qabel beda x-xhieda tiegħu, l-Avukat Edward Gatt, f’isem Keith Schembri ressaq talba għal rulign propju biex din ix-xhieda tkun sospiża.

It-talba għal ruling saret mill-Avukat Edward Gatt fil-bidu tas-seduta tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u kienet tirrigwarda l-verżjonijiet differenti mogħtija quddiem l-istess kumitat bejn l-ex Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u Keith Schembri dwar il-mod kif ċertu deċiżjonijiet fil-Gvern Laburista kienu jittieħdu permezz ta’ kitchen cabinet.

Kien fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li l-ex Ministru Scicluna xehed li l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat kellu kitchen li kien jiddeċiedi dwar diversi materji ta’ importanza nazzjonali fosthom il-power station tal-Electrogas. Edward Scicluna indika lil Keith Schembri u l-ex ministru Laburista Konrad Mizzi bħala tnejn mill-kitchen cabinet ta’ Muscat.

Fix-xhieda tiegħu quddiem il-PAC l-ġimgħa l-oħra, Keith Schembri ċaħad dan u sostna li dan ma kienx minnu.

Quddiem din ix-xhieda kontradittorja u mogħtija bil-ġurament, id-deputati Nazzjonalisti membri fil-PAC Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini rrapportaw il-każ lill-Kummissarju tal-Pulizija u talbu investigazzjoni dwar xheida falza taħt ġurament.

L-Avukat Edward Gatt staqsa jekk ir-rapport li sar lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar inkonsistenti fix-xhieda tal-ex Ministru Edward Scicluna u Keith Schembri f’seduti differenti quddiem il-PAC sarx fil-kapaċità tagħhom personali.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Darren Carabott wieġeb li t-talba għall-investigazzjoni mill-pulizija saret mid-deputati Nazzjonalisti bħala membri tal-PAC.

L-Avukat Edward Gatt talab li s-seduta tkun sospiża għal ruling mill-Ispeaker sakemm ikun hemm deċiżjoni tal-investigazzjonijiet tal-pulizija fuq it-talba li għamlu d-deputati tal-Oppożizzjoni.

Darren Caraott qal li kien hemm konflitt u inkonsistenti fix-xhieda ta’ Edward Scicluna u Keith Schembri quddiem il-Kumitat u għalhekk kien hemm talba biex issir investigazzjoni mill-pulizija. Dan wara li Keith Schembri qal li l-ex Ministru Scicluna kien xehed falz taħt ġurament meta qal li l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat kellu kitchen cabinet. Hu spjega li r-ruling jintalab mill-membri tal-Kumitat u ssospenda s-seduta sakemm jivverifika mar-regoli tal-PAC.

Is-seduta kienet sospiża sakemm saru l-verifiċi u hekk kif reġgħet iltaqgħet, Darren Carabott qal li membru tal-Kumitat jista’ jtilob ruling mill-Ispeaker. Hu qal li la kienx hemm talba minn xi membru tal-PAC, għalhekk it-talba ta’ kinitx milqgħux.

L-Avukat Edward Gatt ressaq talba oħra quddiem il-PAC u fiha talab lill-membri tal-PAC biex ikunu huma li jressqu din it-talba.

Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield talab li ssir diskussjoni bix-xhud Keith Schembri u l-avukati tiegħu joħorġu mis-seduta li kienet sospiża biex tkun diskussa t-talba ta’ l-Avukat Edwrad Gatt.

Is-seduta kienet sospiża.

Meta kompla l-kumitat, Darren Carabott poġġa t-talba tal-Avukat Gatt quddiem il-Kumitat iżdal-ebda membru ma aċċetta li jagħmel din it-talba. Għalhekk kompliet ix-xhieda ta’ Keith Schembri. L-Avukat Edward Gatt qal li wara dawn id-deċiżjonijiet u l-iżviluppi tar-raport tad-deputati Nazzjonalisti, Keith Schembri ma kienx se jwieġeb id-domandi għax irid gwida mill-Qorti Kostituzzjonali.

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-kumitat se jkompli jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lil Keith Schembri.

Hu kien mistoqsi kif jaf li l-kumpanija Egrant ma ntużatx iżda x-xhud qal li mhux se jwieġeb biex jistenna l-kawża kostituzzjonali.

Darren Carabott spjega lix-xhud li l-uniku darba li ma jistax iwieġeb id-domandi tal-PAC hi jekk hu jinkrimina lilu nnifsu. Iċ-Chairman Darren Carabott qal li quddiem din is-sitwazzjoni hu kien se jitlob lill-Ispeaker biex jagħti gwida lill-Kumitat.

Is-seduta kienet sospiża għal data oħra wara li jingħata r-ruling tal-Ispeaker.

Fis-seduta plenarja, iċ-Chairman tal-Kumitat Darren Carabott irrapporta lill-Ispeaker dak li seħħ fil-PAC u spjega kif Keith Schembri irrifjuta li jibqa’ jixhed għax sostna li se jkun qed jiftaħ kawża kostituzzjonali. Darren Carabott talab ruling f’dan ir-rigward.