Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi wara li nqabad bejn żewġ vetturi fil-mini ta’ Santa Venera

Sewwieq tal-mutur ittieħed l-isptar Mater Dei wara li kien involut f’ħabta fil-mini ta’ Santa Venera.

L-inċident seħħ it-Tlieta filgħodu għall-ħabta tat-7:45 fil-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni tan-naħa t’isfel ta’ Malta.

Kaġun ta’ dan l-inċident inħolqot konġestjoni kbira tat-traffiku fejn f’ċertu ħinijiet it-traffiku saħansitra kien sal-Coast Road.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Honda CRF, misjuq minn raġel ta’ 25 sena residenti s-Siġġiewi, Ford Transit misjuq minn raġel ta’ 60 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Citroen C3 misjuqa minn Taljan ta’ 31 sena residenti Ħal Lija. B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, Toyota Passo ġarbet ukoll xi ħsarat.

Kawża ta’ dan l-inċident l-mutur spiċċa nqabad bejn iż-żewġ karozzi tant li mina kellha tingħalaq għal xi ħin.

Ftit tal-ħin waratim mediku mar fil-post sabiex jassisti u ftit tal-ħin wara ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.