Lokali

L-aħbar li se tagħlaq l-AirMalta ħolqot “konfużjoni” – Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Buġeja

“Is-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru L-AirMalta ħolqot konfużjoni kbira kif ukoll inċertezza dwar x’se jiġri mill-ħaddiema.”

Dan sostnieh is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Buġeja waqt intervista fil-programm Net Live flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella….fejn Bugeja kkonferma li meta ra l-aħbar li l-AirMalta se tagħlaq il-bibien tagħha sal-aħħar ta’ din is-sena…din kienet bħal sajjetta, għaliex ma kinux ġew infurmati mill-Ministru Clyde Caruana.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU spjega kif għal diversi drabi l-Ministru tal-Finanzi qallu li d-diskussjonijiet għadhom għaddejin mal-Kummissjoni Ewropea; eżatt l-oppost ta’ dak li żvela iċ-chairperson tal-AirMalta.

Barra minn hekk, Josef Bugeja qal li għadhom ma sarux diskussjonijiet dwar x’se jiġri eżattament mill-ħaddiema meta l-linja tal-ajru tasal għal din l-eventwalità. U insista li din is-sitwazzjoni ħolqot konfużjoni sħiħa.

Waqt l-intervista huwa sostna li din l-inċertezza kollha fuq il-ħaddiema żgur qed tħalli impatt negattiv.

Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella iddeskriva din l-aħbar bħala “traġedja” u sitwazzjoni ferm frustranti fuq il-ħaddiema. Dan meta sa ftit snin ilu l-ex Ministru Konrad Mizzi kien ftaħar li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha futur sabiħ.

Sa Awwisu li għadda, il-Ministru Clyde Caruana stess kien għadu qed jinsisti li xejn ma mar ħażin fl-AirMalta. Biex issa, il-Gvern ta’ Robert Abela spiċċa se jagħlaq din il-linja tal-ajru li hija vitali għal pajjiżna.